Il-Lijder.... x'jimpurtah?

L-ewwel u l-aqwa għodda... il-Lijder

Bħal f'kull xogħol man-nies, l-ewwel u l-aqwa għodda hija l-persuna – għalhekk il-persuna tal-lijder trid tkun:

Taf titlob - Ibda l-preparazzjoni tiegħek bit-talb –  Itlob lill-Ispirtu biex iż-żgħażagħ jitgħallmu jaħsbu bil-qalb t’Alla. Din importanti turiha waqt il-laqgħat: żomm kont tal-ħin sabiex ma jkollokx bżonn tħaffef jew tħalli barra r-riflessjoni u t-talb tal-għeluq. Itlob lil xi volontier biex iżomm il-ħin u jgħidlek meta tkun wasalt f’nofs is-sessjoni u meta jkun għad fadal biss 10 minuti biex tagħlaq. B’hekk it-talb tkun tajtu l-importanza xierqa.

Ippreparata - Aqra kemm-il darba sew is-sessjoni bil-quddiem sabiex ikollok ideja tajba tal-materjali u d-direzzjoni. Ma tridx tkun espert biex tmexxi dawn il-laqgħat. Imma tajjeb li tkun qrajt fuq is-suġġett u tkun aġġornat, speċjalment fuq ġrajjiet kurrenti. Agħti ftit input biex il-laqgħa ma tibqax biss diskussjoni.

Tniggeż - Stenna li d-diskussjoni ser iġġib magħha varjeta’ ta’ opinjonijiet. Inkoraġixxi lill-partiċipanti biex jitkellmu biss mill-esperjenzi tagħhom u  jevitaw jiġġeneralizzaw dwar persuni oħra jew sitwazzjonijiet. Għin liż-żgħazagħ jistaqsu u jaħsbu aktar. Iridu jħossu l-inġustizzji, ma jistgħux jibqgħu indifferenti, jrid jibda jimpurtahom. Iridu joħorġu mill-programm lesti li jagħmlu xi ħaġa biex ibiddlu d-dinja!

Tgħaqqad – Importanti li tiffaċilita' d-diskussjoni u ddaħħal u tisma' lil kulħadd ... Ħeġġeġ lil kull partiċipant biex j/tieħu sehem fid-diskussjoni u biex jisimgħu kull opinjoni. Kun ċar/a fil-bidu ta’ kull laqgħa dwar il-ground rules (ara aktar ‘il quddiem). Oqgħod attent/a mill-mod ta’ kif taġixxi meta taqbel jew ma taqbilx mal-opinjoni ta’ xi ħadd. L-ebda opinjoni jew persuna m’għandha tiġi mwaqqa’ għaċ-ċajt.

Mudell – Importanti li bl-imġieba tiegħek u bi kliemek tagħti xhieda tal-prinċipji kollha li jitħaddnu f'dan il-programm...anke f'affarijiet sempliċi, bħal li tieħu ħsieb l-ambjent. Iż-żgħażagħ jitgħallmu ħafna bl-eżempju.

Prattika – Ipprepara u mexxi l-attivitajiet b'ċertu kontinwita' u faċilta' kif ukoll waqt li qed tispjega uża eżempji mill-ħajja ta' kuljum.

Fit-Tmun – Ara li inti dejjem fil-kontroll tal-laqgħa u ma taħrabx bik. Jekk partiċipant ikollu t-tendenza li j/tiddomina d-diskussjoni, itlobhom li ħadd ma jmissu jerġa’ jitkellem sakemm kull partiċipant ikollu/ikollha l-opportunita’ biex j/titkellem. Jekk tilqa’ mill-bidu b’din ir-regola, ħadd ma jħossu li qed jiġi pperferut.

It-Tapit ta' taħt Saqajna....

Biex dan il-programm jaħdem sew importanti li tifrex tapit ta' ‘ground rules’ fil-grupp, speċjalment jekk il-grupp ikun ġdid ... Forsi tfakkarhom fil-bidu ta' kull laqgħa jew tpoġġihom x'imkien fil-kamra jew tfassalhom magħhom. Billi ċertu laqgħat jistgħu jkunu jaħarqu u jinstigaw diskussjoni kbira importanti li tara li inti dejjem tkun fil-kontroll tal-laqgħa... B'dawn il-ground rules biss noħolqu atmosfera 'safe' fejn iż-żgħażagħ jistgħu jistaqsu u jikbru.

Jekk waħda mill-ground rules tinkiser... inkunu ġbidna t-tapit minn taħt saqajna!

- Meta jitkellem xi ħadd, irridu nisimgħu lil xulxin.

- Ara li tħalli ħin biex ħaddieħor jitkellem ukoll.

- Importanti li nuru rispett lejn ħaddiehor mingħajr ma naqbżu fuq xulxin jew ngħajru lil xulxin.

- Jista’ jkun li tisma’ affarijiet jew titghallem affarijiet li ma tħossokx komdu bihom. Ftakar li l-Ispirtu dejjem jinkuraġġina nikbru, nitgħallmu u ninbidlu.

- Meta taqsam xi ħaġa fil-grupp importanti li titkellem f’ismek u mill-esperjenza tiegħek ‘Jiena naħseb/nħoss’ mhux titkellem għal xi ħadd iehor jew tiġġeneralizza.

- Il-focus ta’ dan il-programm hija li nitgħallmu flimkien u nsibu l-areas li rridu nikbru fihom.

X'għandu jkollok dejjem miegħek...

Lapsijiet/Biros għal kulħadd

Whiteboard Markers

Flipchart jew Whiteboard

Kuluri

Ftit Xemgħat

Salib attraenti jew xi immaġini biex ikun il-focus tat-talb tal-aħħar. Jew xi post apparti biex tagħmel mumenti ta' talb fih

Sulfarini

Bibbja

Data Projector

Laptop

Pendrive

Karti “rough”

Lura għal Homepage

facebook youtube twitter flickr