Messaġġ

Jekk noqgħod nofs siegħa kull ġimgħa fil-garaxx tad-dar tiegħi ma jfissirx li jien karozza. Bl-istess mod, il-fatt li mmur nofs siegħa quddiesa darba fil-ġimgħa mhux biżżejjed biex nissejjaħ nisrani. Biex tkun ħajja, il-fidi tagħna jeħtieġ li ngħixuha ta’ kuljum, kull fejn inkunu, mhux fil-Knisja biss, imma fid- “dinja” wkoll.

X’jimpurtani hija għajnuna li xtaqna nagħtu lil-lijders li jmexxu gruppi ta’ żgħażagħ ta’ bejn it-tlettax u s-sittax il-sena biex jgħinuhom jiddiskutu u jirreflettu fuq ir-realtaijiet soċjali ta’ madwarhom minn lenti nisranija. Id-dinja tagħna u l-ħajja tan-nies li jgħixu ġo fiha m’hijiex waħda sempliċi, u sfortunatament hija wkoll immarkata b’ħafna inġustizzji. Bhala Nsara, aħna ma nistgħux nagħlqu għajnejna għal dawn ir-realitajiet. Ma nistgħux inkunu indifferenti u b’hekk insaħħu dik li Papa Franġisku jsejjaħ “il-kultura ta’ l-indifferenza”. U t-tradizzjoni tagħna toffrilna ħafna riżorsi biex ma naqtgħux qalbna quddiem sitwazzjonijiet li jidhru mingħajr soluzzjoni. Iż-żgħażagħ li jkunu resqin lejn is-sittax il-sena huma fuq l-għatba ta’ l-eta’ adulta u xewqa tagħna hi li huma jkunu adulti li jmeddu jdejhom fil-bini ta’ dinja iktar ġusta, fejn kulħadd ikun jista’ jgħix fil-paċi u jiżviluppa t-talenti li tah Alla.

Ovvjament, din hi sejħa li tmiss lil kulħadd u mhux lill-Insara biss. Fl-istess ħin, bhala Nsara ma nistgħux ninsew li ħajjitna hija l-unika “evanġelju” li ħa jaqraw ħafna nies. “Minn dan jagħraf kulħadd li intom dixxipli tiegħi, jekk ikollkom l-imħabba bejnietkom” (Ġw 13, 35). Għal-mistoqsija: X’jimpurtak jekk ħafna nies huwa vittmi ta’ inġustizzja? X’jimpurtak jekk il-gwerer qed jeqirdu l-ħajja ta’ ħafna nies? Xjimpurtak jekk minħabba l-egoiżmu ta’ xi wħud qed neqirdu l-ambjent ta’ madwarna?, in-nisrani jwieġeb: Jimpurtani, għax aħna lkoll ahwa fi Kristu u ulied ta’ l-istess Missier, u dak li jiġri lil ħija jew lil oħti ma jistax ma jippurtanix dwaru.  

J’Alla l-attivitajiet u r-riflessjonijiet li jinsabu f’din il-gwida jkunu biss il-bidu ta’ mixja għal ħafna żgħażagħ li twassalhom biex jieħdu bis-serjeta’ is-sejħa tagħhna li nħallu d-dinja tagħhna ftit aħjar milli sibniha.

Agħfas hawn biex tniżżel il-verżjoni PDF tal-ktejjeb X'jimpurtani.

Lura għal Homepage

facebook youtube twitter flickr