Kors ta’ Formazzjoni fl-Ispiritwalità, fl-Ghoti tal-Ezercizzi u fid-Direzzjoni Spiritwali

Kors ta’ Formazzjoni fl-Ispiritwalità, fl-Għoti tal-Eżerċizzi u fid-Direzzjoni Spiritwali

Iċ-Ċentru ta’ Spiritwalità Injazjana (ĊIS) bil-kollaborazzjoni tal-Istitut ta’ Formazzjoni Pastorali (PFI) se jniedi Kors ta’ erba’ snin li jwassal għal Diploma fid-Direzzjoni Spiritwali  u l-Għoti tal-Irtiri. 

Dan il-kors hu maħsub l-iktar għal-lajċi imma miftuħ ukoll għal reliġjużi u saċerdoti li jixtiequ taħriġ fl-għotja tal-EE u tad-direzzjoni spiritwali.

Il-kors hu ta’ erba’ snin u jkun maqsum f’żewġ partijiet.  L-ewwel parti tkun tikkonsisti f’korsijiet ta’ introduzzjoni fuq il-Bibbja, it-Teoloġija Fundamentali, Dommatka, Morali u Spiritwali.  

Billi l-għan ewlieni ta’ dan il-kors hu li jħejji diretturi tal-Eżerċizzi Spiritwali Injazjani (ta’ San Injazju), f’din l-ewwel parti jkun hemm ukoll korsijiet fuq l-Ispiritwalità Injazjana u d-Dinamika tal-Eżerċizzi Injazjani.  Minbarra hekk il-parteċipanti huma meħtieġa jagħmlu irtir sħiħ ta’ San Injazju.  Dan jista’ jsir matul is-sena.

Ikun hemm ukoll korsijiet fuq il-Psikoloġija Pastorali u wkoll taħriġ fid-dinamiċi piskoloġiċi meħtieġa f’din l-ħidma.

Il-korsijiet ikunu normalment nhar ta’ Ħamis filgħaxija bejn is-6.30 u t-8.30 pm u jsiru Mount St. Joseph Retreat House, il-Mosta.  Minn żmien għal żmien ikun hemm korsijiet jew seminars li jsiru f’weekend.  Il-korsijiet isegwu s-sena akkademika.

Matul dan iż-żmien ikun hemm assessment regolari tal-parteċipanti mit-tutors assenjati lilhom, mil-lecturers, mill-koordinatur tal-kors u mill-Bord tad-direzzjoni.  

Min itemm l-ewwel parti b’suċċess u jkun jixtieq, ikun jista’ jkompli t-tieni parti ta’ sentejn oħra.  Din tkun iktar prattika u tkun tikkonsisti prinċipalment f’taħriġ u esperjenzi ta’ għotja ta’ irtiri u direzzjoni spiritwali taħt superviżjoni.  Ikun hemm ukoll xi korsijiet oħra.

Ġa jingħata ċertifkat lil min ikun temm b’suċċess l-ewwel parti.  Jingħata ċertifkat ieħor lil min itemm b’suċċess ukoll it-tieni parti.  Iċ-ċertifikati jitqassmu f’jum il-gradwazzjoni organizzata mill-PFI.

Il-kors miftuħ għal numru limitat ta’ parteċipanti li jkunu meħtieġa (1) jiktbu ittra li jixtiequ jipparteċipaw u fiha jiktbu għaliex jixtiequ jieħdu sehem; (2) jispeċifikaw il-kwalifikazzjonijiet li għandhom (imma mingħajr ma jaħsbu li m’għandhomx kwalifikazzjonijiet biżżejjed!) u wkoll l-esperjenza li  għandhom f’dan il-qasam; (3) jitolbu lil xi ħadd li jafhom biex jibgħat lid-Direttur  ittra ta’ rakkomandazzjoni; u (4) jagħmlu intervista meta jkunu avżati.

Indirizzaw l-ittri tagħkom: Direttur tal-Kors, Ċentru Spiritwalità Injazjana, 78 Triq il-Markiż Scicluna, Naxxar  NXR 2067.  Dawn l-ittri jridu jaslulna mhux iktar tard mit-30 ta’ Ġunju 2015.  Għal iktar tagħrif jew kjarifikazzjonijiet ikteb lid-Direttur tal-Kors fl-istess indirizz jew ibgħat e-mail: cissecretary@jesuit.org.mt. 

Noti oħra: Kull sessjoni hi obbligatorja.  Min għal xi raġuni jitlef iktar minn terz tal-lectures ta’ xi module jitlef id-dritt li jiggradwa sakemm ma jirrepetix dak il-module f’kors suċċessiv. 

Kull student jiġi assenjat tutor u jiltaqa’ regolarment miegħu jew magħha.

Għall-kors ikun hemm ħlas li l-ammont tiegħu jitħabbar waqt l-intervista.

Fr. Alfred Micallef, SJ

Direttur tal-Kors


Back to overview

facebook youtube twitter flickr