X'se jiġri mit-Tarbija tiegħi

Appostolat tat-Talb

 

X’SE JIĠRI MIT-TARBIJA TIEGĦI?

Fl-erbgħa u għoxrin t’April tal-2013, Sharina, kif kienet tagħmel kuljum, daħlet fil-binja ta’ Rana Plaza, li tinstab f’Dhaka, il-belt kapitali tal-Bangladexx. Sharina telgħet it-taraġ sas-seba’ sular, fejn kienet taħdem ġo fabbrika tal-ħwejjeġ. Il-ħwejjeġ li kienu jagħmlu Sharina u sħabha kienu jinħadmu għal ditti kbar Ewropej u Amerikani, biex jinbiegħu fis-swieq tal-pajjiżi sinjuri tal-Punent.

Sharina kienet għadha kif iżżewġet ftit xhur qabel. Hi u żewġha kienu jaħdmu sigħat twal ħafna f’Rana Plaza. Bejniethom kienu jaqilgħu madwar €70 fix-xahar. Il-flus li kienu jaqilgħu ma kinux biżżejjed biex jgħixu bihom. Biex tagħqad, kellhom ukoll jibagħtu xi flus lill-ġenituri anzjani ta’ Sharina, li kienu jgħixu fil-kampanja u ma kellhomx biex jgħixu. Is-sidien tal-fabbriki li kien hemm f’Rana Plaza ma kinux iħallu lill-ħaddiema jidħlu ġo union. Il-ħaddiema kienu jibżgħu jiġġieldu biex itejbu il-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom għax kienu jibżgħu li jitilfu xogħolhom.

Dakinhar Sharina kienet inkwetata meta marret għax-xogħol. Il-ġurnata ta’ qabel kienu feġġew xquq kbar fil-binja. Meta nbniet, Rana Plaza kienet ippjanata li tkun binja residenzjali ta’ ħames sulari, imma kienu żiedu tliet sulari oħra illegalment. Fis-sulari ta’ fuq fetħu ħafna fabbriki. Il-ħaddiema kienu jafu li l-bini kien perikoluż, u x-xquq li bdew ifeġġu beżżgħuhom, imma s-sidien tal-fabbriki ordnaw lill-ħaddiema biex ikomplu jaħdmu, u huma hekk għamlu għax beżgħu li jitilfu xogħolhom.

Il-ħin kien qiegħed jgħaddi bil-mod. Sharina, hi u tħit, kienet qiegħda tinkwieta fuq il-flus. Toqgħod attenta kemm toqgħod attenta, qatt ma kien ikollha biżżejjed għall-ħtiġijiet tagħha u tal-familja tagħha. F’daqqa waħda, hi u tħit il-keffa tal-ħamsin T-shirt tal-ġurnata, instema’ ħoss qawwi. L-art theżżet. Sharina qamet bilwiefqa bil-ħasda, u bilfors waqgħet, għaliex xħin ġiet f’sensiha skopriet li kienet mimduda. Imma ma kinitx għadha fil-fabbrika. Kienet mimduda fuq saqqu ġo sptar. Ir-Rana Plaza kien iġġarraf. Kienu mietu aktar minn elf u mitt ruħ, fosthom ir-raġel ta’ Sharina. B’kollox salvaw madwar elfejn u ħames mitt ruħ. It-tfittxija għall-feruti u għal dawk li kienu mietu damet tliet ġimgħat sħaħ.

Dakinhar Sharina tilfet dirgħajha tal-lemin. Iċ-ċans li ssib xogħol kien żgħir ħafna. Kienu sarulha ħafna wegħdiet; imma ma rċeviet l-ebda kumpens għat-telfa ta’ żewġha jew għall-fatt li kienet korriet serjament. Ftit wara l-inċident skopriet li kienet ħarġet tqila. Hi u żewġha kienu xtaqu ħafna li jkollhom it-tfal. Din kienet aħbar li kieku kienet timla lilha u lil żewġha, u anke lill-ġenituri tagħhom, bil-ferħ. Imma issa l-aħbar imlietha bi dwejjaq kbar. Ma tistax tara ħlief futur ta’ faqar estrem għaliha u għat-tarbija li ser iġġib fid-dinja.

 

Grupp Appostolat tat-Talb

(Marbuta mal-Intenzjoni Ġenerali għal Jannar)

 

Intenzjonijiet tal-Appostolat tat-Talb għal Jannar:

Li kulħadd jaħdem biex iseħħ żvilupp ekonomiku awtentiku li jirrispetta d-dinjità tal-popli kollha.

Li l-Insara ta’ kull denominazzjoni jimxu lejn l-għaqda li jixtieq Kristu.

 

 


Back to overview

facebook youtube twitter flickr