Isaac huwa t-Tifel tiegħi

Jiktbu l-Qarrejja

 

ISAAC HUWA T-TIFEL TIEGĦI

Messaġġ tal-Milied 2013 minn Br Karmenu Duca MC

Nota tal-Editur:

Kitbilna Karmenu Duca, Brother ta’ M. Teresa, minn Los Angeles. Brother Karmenu huwa Malti li l-qarrejja tagħna diġà ltaqgħu miegħu permezz ta’ kitbiet li dehru dwar il-ħidma tiegħu mal-ħabsin. Bagħtilna l-awguri tiegħu għall-Milied. Għalkemm dan għadda, imma l-kitba tiegħu tibqa’ timlina b’ħafna kuraġġ u ispirazzjoni. Inkomplu nitolbu għalih u nagħtuh l-appoġġ tagħna.

 

Għeżież familja u ħbieb,

Meta jasal il-Milied insib ruħi nipprova nagħmel rendikont ta’x’ġara matul din is-sena ħalli intikom ftit aħbarijiet. Biss nibda nirrealizza li tant ġraw affarijiet li ma nkunx naf minn fejn ser nibda jew nispiċċa!

Kif tindunaw mill-indirizz, għadni Los Angeles u għadni naħdem il-ħabs. Din is-sena dħalt għal biċċa xogħol ġdida. Apparti s-servizz li nagħti bħala kappillan, preparazzjoni tas-sagramenti, counselling eċċ, bdejt nagħti lezzjonijiet ta’ l-arti – ħolma li minn dejjem kelli u li din is-sena saret realtà. L-għaxqa tiegħi nara lill-“istudenti” bl-uniformi blu skura, xi wħud mimlijin tpinġija, bil-qiegħda fil-kwiet għal tliet sigħat sħaħ ipinġu xi vażun tal-plastik fi still life, filwaqt li jisimgħu xi notturn ta’ Chopin jew xi sinfonija ta’ Beethoven! Surreali!

Din is-sena  wkoll kelli x-xorti li jkolli lil oħti u lir-raġel tagħha miegħi għal tliet ġimgħat. Ħadt l-opportunità nieħu “vaganza” magħhom. Esperjenza ġdida din is-sena kienu ż-żewġ żjarat li għamilt lil Santiago u lil Royal ġewwa San Quentin – ġewwa Death Row (is-sezzjoni tal-ħabs fejn jinżammu dawk li jkunu kkundannati għall-mewt sa ma titwettaq is-sentenza). Santiago ilu diġà ħames snin filwaqt li Royal ilu 20 sena jistenna l-mewt! Iż-zjarat ġewwa San Quentin huma “interessanti” għax tispiċċa maqful magħhom għal ħames sigħat sħaħ ġewwa gaġġa ta’ xi żewġ metri bi tlieta.

Fost sitwazzjonijet ta’ tbatija u mewt titfaċċa storja ta’ tama u ta’ ħajja ġdida. Isaac—it-tarbija ta’ Joe—twieldet ta’ sitt xhur ġewwa sptar ta’ LA. Skont Joe, Isaac laqqat infezzjoni mill-isptar stess u 99% tant għandu brain damage li ser jispiċċa b’cerebral palsy.

Din il-ġimgħa qattajt ġurnata (il-ħabs) ma’ Joe, inkellmu tobba u social workers li kollha qed jippruvaw jikkonvinċu lil Joe biex jikkonvinċi lill-mara tiegħu biex jagħtu permess ineħħu il-pajp ta’ l-ossiġenu lil Isaac ħalli “jmut mewta naturali għax mhux sewwa jkollok tieħu ħsieb tifel li ser jiddependi kompletament fuqek” (skont it-tobba). Suzie, il-mara ta’ Joe, fost ħafna biki u rabja leġittima u ġustifikata, tistqarr b’konvinzjoni (fuq it-telefon) ta’ mara li hi: “Inħossni insulentata mit-tobba. Lanqas għandhom biss isaqsuni dik il-mistoqsija. B’cerebral palsy jew le, Isaac huwa t-tifel tiegħi.” Suzie, Isaac u (nispera) Joe jibqgħu jiġġieldu favur il-ħajja!

Nixtieq nieħu din l-okkażjoni biex nirringrazzjakom tat-talb u l-għajnuna li tibqgħu tagħtuni. B’mod speċjali nixtieq nirringrazzja lill-qarrejja ta’ RM2000 tad-donazzonijiet li tibagħtuli matul is-sena.

Grazzi

Karmenu MC

PS. Il-ktieb Għaxar Snin il-Ħabs, ser joħroġ għal bejgħ (f’nofs Diċembru) bl-Ingliż Ten Years in Prison, grazzi għal Mary Rose Mifsud li ħadmet fuq it-traduzzjoni din l-aħħar sena.

(Nota: min jixtieq jikkomunika dirett ma’ Brother Karmenu jista’ jikkuntattjah fuq facebook: https://www.facebook.com/karmenuduca)


Back to overview

facebook youtube twitter flickr