Qattajt Ġismi

QATTAJT ĠISMI… IMMA QALBI BAQGĦET SĦIĦA

Il-vjaġġ tiegħi beda meta kelli biss tmien snin. Kien lejlet l-ewwel tas-sena tal-1958. Ġejt abbużata sesswalment minn membru tal-familja. Kif tista’ tifla ta’ età tant żgħira tispjega lill-ġenituri tagħha li persuna ta’ fiduċja kien abbużalhom lil binthom? Dak iż-żmien ma kontx naf x’inhu abbuż sesswali. Kulma kont naf dak il-ħin kien li kont imwerwra u ffriżata bil-biża’.

L-għada filgħodu għidt lill-ġenituri li z-ziju kien messni. Ixxukkjajt ruħi meta ma emmnunix. “Tigdibx!” qaltli ommi. Kont frustrata. Niftakarni mmur fil-kamra tal-banju fejn sibt ix-xafra tal-leħja ta’ missieri. Qbadtha u bdejt naqta’ fil-ġilda.

Ma ħassejt l-ebda wġigħ; ħassejt biss li qed ninħeles mill-weġgħa ta’ dak li kien ġrali. Imbagħad dħalt f’qoxorti u la ridt nikkomunika ma’ tal-familja u lanqas mal-ħbieb.

Ommi kkuntattjat lil oħtha. Ma kellix sehem fid-deċiżjoni tagħhom. Fi żmien ftit ġimgħat kont qed nivvjaġġa biex immur għand ziti. F’dawk is-sitt xhur li domt għandha kont għadni nweġġa’ lili nnifsi. Meta rriturnajt id-dar indunajt li xejn ma kien inbidel. Il-familja tiegħi kienet għadha qed tevita li ssemmi l-abbuż tiegħi, aħseb u ara kemm stajt niddiskutih magħhom.

F’Ġunju tal-1963 ġejna l-Awstralja. Jien kelli tlettax-il sena u kont għadni nweġġa’ lili nnifsi. Din il-ħaġa damet sejra għal snin sħaħ, vjolenza fuqi nnifsi minħabba li kont inħossni waħdi u bla mħabba. Ma kellix kontroll fuq l-emozzjonijiet tiegħi. Ma stajtx neħles  mill-mibegħda li kelli għal dak ir-raġel li seraqli l-innoċenza tat-tfulija.

Meta kelli wieħed u għoxrin sena iżżewwiġt u kellna darna. Ħassejtni ħielsa fl-aħħar. Għalkemm żewġi kien jaf fuq l-abbuż sesswali, għidtlu fuq il-biċċa xogħol li kont nweġġa’ lili nnifsi. U kuntenta ngħid li fehemni immens. Wara sebgħa u tletin sena miżżewġin, għadna flimkien.

Waqaft inweġġa’ lili nnifsi fi tmiem is-sena 2008. Għalkemm ġieli jkolli ħsibijiet biex nerġa’ nibda, iddeċidejt li ma jistax ikun nitratta lil ġismi daqslikieku kien injama li taqta’ l-ħobż fuqha. Wara li fl-aħħar ħriġt il-weġgħat u r-rabja li nħoss għall-ġenituri tiegħi, għaraft li issa kien il-ħin li ma nħallix din ir-rabja tikkundizzjonali ħajti. Bdejt naħseb ħafna dwar dawk li, bħalma kont nagħmel jien, iweġġgħu lilhom infushom minħabba xi abbuż. Fl-2005 iddeċidejt li niffoka fuq kif nista’ ngħin lil dawk li jagħmlu l-ħsara lilhom nfushom. Wara ħafna ħsieb u tiftix, għaraft li nista’ nagħmel differenza f’ħajjithom. Għalhekk f’Ottubru tal-2007 waqqaft is-Self Harm Support Group. Ikkuntattjajt gazzetta lokali u offrewli li jippublikaw l-istorja tiegħi. Bl-għajnuna ta’ xi ħbieb iltqajna għall-ewwel darba fi knisja. Bdejt billi staqsejt lil dawk li attendew: “Taħsbu li hemm bżonn li jitwaqqaf grupp għal min jagħmel ħsara lilu nnifsu?” Bqajt impressjonata bir-rispons pożittiv li kelli.

Kull ġimgħa dawk li għandhom bżonn l-appoġġ jiġu għal-laqgħat u jgħidu l-istorja tagħhom u jaqsmu l-biża’ li jkun qed imermirhom minn ġewwa. Nifraħ meta nara l-progress li jagħmlu. Jekk xejn, iħossu li mhumiex weħidhom.

 

Nota:

Sfortunatament din il-problema qed issir aktar frekwenti fost tfal u żgħażagħ. Importanti li l-ġenituri u dawk f’kuntatt magħhom iżommu għajnejhom miftuħin għal kull sinjal li jindika stress qawwi fit-tfal u ż-żgħażagħ li jista’ jwassal għal sitwazzjonijiet bħal dawn. Bil-ġentilezza u l-imħabba wieħed irid l-ewwel jirbaħ il-fiduċja tagħhom u mbagħad jirrikorri għal għajnuna aktar professjonali, bħal counsellors fl-iskejjel jew it-tabib tal-familja.


Back to overview

facebook youtube twitter flickr