Ismagħni

ISMAGĦNI

 

Kemm hi ħaġa tassew li ddejqek u tiffrustrak meta tkun qed tiftaħ qalbek ma’ xi ħadd u din ma tkunx verament qed tisimgħek. Kemm hi ħaġa tassew sabiħa, imma mhux daqshekk faċli, li ssib lil xi ħadd li kapaċi jisimgħek tassew u jilqa’ b’qalb miftuħa dak li tkun tixtieq tgħid.

Qalb muġugħa tfittex l-aktar min jismagħha, mhux tant min isolvilha l-problemi. B’xi ħadd li jifhmek maġenbek, kull problema ssir mument ta’ għaqda u mħabba u mhux mument ta’ firda u ġlied.

 

L-istudjużi jgħidulna li normalment ngħidu bejn wieħed u ieħor 125 kelma kull minuta, imma kapaċi nisimgħu, bejn wieħed u ieħor, 400 kelma kull minuta. Imma x’nagħmlu meta jkun hemm xi ħadd ieħor ikellimna? Qed nisimgħu bis-serjetà?

Għandi ħabib li kien jagħmel affarijiet oħra waqt li nkun qed inkellmu fuq it-telefon. Kien jirrispondini sew għal dak li nkun qed ngħidlu imma kont nisimgħu iqalleb il-karti jew jipprova jordna l-ikel minn taħt l-ilsien. Għalkemm kien ikun jaf x’qed ngħidlu, ma kontx inħossni tajjeb li dan kien qed jipprova jlaħħaq mal-affarijiet tiegħu waqt li jien inkun qed naqsam il-ħsibijiet u l-emozzjonijiet profondi tiegħi. B’xorti tajba, il-ħbiberija tagħna kienet soda u importanti iktar mit-‘to-do list’ tiegħu. Għedtlu ċar x’inħoss meta jagħmel hekk u issa jagħti kasi sew meta nkun qed nkellmu.

 

Jekk tixtieq issaħħaħ ir-relazzjonijiet tiegħek ma’ dawk ta’ madwarek, aħseb dwar kif tibda tisma’ aħjar. Jekk tagħmel hekk, in-nies iħossuhom iktar miġbudin lejk, tkun kapaċi titgħallem xi ħaġa ġdida, tgħin biex issolvi l-problemi aħjar, tħossok anqas waħdek u aktar qrib ta’ dawk li tħobb. Tispiċċa aktar kuntent u rilassat

 

Ara kif jistgħu jgħinuk dawn is-suġġerimenti:

 

Agħti kas. 
Peress li l-moħħna kapaċi jgħaġġel aktar minn dak li nkunu qed nisimgħu, hemm iċ-ċans li nimlew moħħna bi ħsibijiet oħra. Innota kif, meta xi ħadd ikun qed ikellmek, moħħok faċli jibda jaħseb fuq ħwejjeġ oħra. Li tagħti kas hija l-iktar regola fundamentali għal smigħ effettiv. Isma’ l-kliem u xtarr is-sens tagħhom. Jekk moħħok jiżvija, erġa’ ffoka l-attenzjoni kollha tiegħek fuq il-konverżazzjoni.

  1. Ilqa’. Jekk diġà għandek ħsieb f’moħħok li trid tgħidu akkost ta’ kollox, mhux se tkun kapaċi tisma’ dak li l-persuna l-oħra tixtieq twassallek. M’hemm xejn ħażin li tkun tixtieq tgħid xi ħaġa int, imma biex tisma’ sew trid tegħleb it-tentazzjoni li biex tgħid tiegħek ma tagħtix kas ta’ x’qed jgħid l-ieħor.
  2. Iċċekkja fhimtx sew. 
Kun ċert li kapaċi tirrepeti dak li għadek kif smajt, u jekk ma tafx, staqsi biex dak li jkun jiċċara l-affarijiet. Tiskanta kemm tista’ tkun qed titlef minn dak li ħaddieħor qed jipprova jwassallek. Meta taħseb li fhimt, tista’ tistaqsi: “Mela jekk qed nifhmek sew int qed tgħid li…” biex tivverifika hux qed tifhem sew.
  3. Esplora Min iħobb, jesplora u jistaqsi x’hemm fil-qalb tal-ieħor. Għalhekk jinteressa ruħu f’affarijiet li jkun għadu ma jafx bihom jew li għadu ma fehemx sewwa. Iffoka fuq min qed jitkellem. Innota l-‘body language’, iġifieri il-ġesti li jagħmel, il-pożizzjoni li joqgħod fiha, l-espressjoni tal-wiċċ u t-ton tal-vuċi. Imbagħad iżen il-kliem ħalli tara x’emozzjonijiet u xi bżonnijiet qed jipprova jwassallek dak li jkun. Ma tistax tgħid x’tiskopri!
  4. Uri Interess Jekk tħossok qed tixba’ jew distratt, erġa’ ffoka fuq il-konverżazzjoni u uri interess ġenwin. Ħares f’għajnejn min qed ikellmek, torbotx idejk. Bil-prudenza, staqsi mistoqsijiet ġentili, mhux biex tissodisfa l-kurżità, imma biex tidħol aktar fil-fond tad-diskors li qed isir.  Skopri x’inhu jdejjaq lill-persuna, x’tixtieq tibdel, x’jinteressaha, u l-bqija.
  5. Kun paċenzjuż. 
Għeleb it-tentazzjoni li titkellem int waqt li xi ħadd ieħor ikun qed jitkellem. Meta tħoss li għandek iddeffes l-aġenda tiegħek, ħu nifs ’il ġewwa, insa l-aġenda tiegħek, u ibqa’ isma’. Jekk ikun hemm bżonn tagħti spinta lill-konverżazzjoni, agħmel dan bil-prudenza, billi, ngħidu aħna tgħid: “Skużani talli se ninterrompik imma…” Kun ċert li ma tasalx għal konklużjonijiet  malajr wisq u li ma tassumix dak li għadu ma ntqalx lilek.

6. Tibqax targumenta. 
Ġieli kellek konverżazzjoni problematika ma’ xi ħadd? Minflok tibqa’ targumenta biex tieħu r-raġun, ipprova agħmel sforz biex tisma’, bl-intenzjoni li tifhem sew lil dak li jkun. Insa l-bżonn tiegħek li tieħu r-raġun u ċedi l-ideat tiegħek ta’ kif il-persuna l-oħra għandha ġġib  ruħha. Tiddettax dak li l-persuna l-oħra għandha tgħid jew tagħmel. Isma’ daqslikieku qed tisma’ għall-ewwel darba. Hekk tkun tista’ aktar faċilment tifhem kif qed jaraha, jifhimha u jħossha hu s-sitwazzjoni. Hu jibda jħoss li fhimtu, għalhekk ikun aktar dispost li jifhem lilek huwa wkoll. 


Back to overview

facebook youtube twitter flickr