Tlajt il-Muntanja Everest

TLAJT IL-MUNTANJA EVEREST

Ġieli kellek xi ħolma, xi xewqa li tagħmel xi ħaġa ta’ barra minn hawn? Ġieli xtaqt li ssir xi ħaġa, li tagħti tifsira lil ħajtek, li jkollok skop, minflok teżisti biss?

Imma spiss ħolm bħal dan narawh impossibbli li nilħquh. L-oħrajn forsi huma kapaċi, imma jien? Ħaddieħor biss jista’ jirnexxi fil-business, ħaddieħor biss jista’ jkun miljunarju, ħaddieħor biss jista’ jaqsam l-Oċean Atlantiku jew jitla’ l-muntanja Everest. Jekk int ukoll taħseb hekk, inħeġġek biex tibda taħsibha mod ieħor.

Jien bħalek, imma jien waħda li tista’ tgħoddni ma’ dawk li int issejjaħ ‘ħaddieħor’. Jien qsamt l-Oċean Atlantiku u anke tlajt il-muntanja Everest, l-ogħla muntanja tad-dinja. Jien rajt veduta tad-dinja li ftit kellhom ix-xorti li jaraw.

Ma kellix ħajja faċli. Wara tnax-il sena miżżewġa mietli r-raġel u sibt ruħi armla  ta’ disgħa u tletin sena. Ma kinitx xi ħaġa li ppjanajtha. Imma din l-esperjenza qawwija għallmitni ħafna lezzjonijiet. Waħda mill-akbar lezzjonijiet kienet li ma tistax tippjana ħajtek kif trid int.

Tkun mingħalik li ssetiljajt għax tkun fi żwieġ sabiħ, tibda tagħmel elf pjan għall-futur, u f’daqqa waħda… Bumm! Donnha taqa’ d-dinja fuqek! Hemm żminijiet f’ħajjtna meta nsibu ruħna f’salib it-toroq, u trid u ma tridx ikollok taqbad direzzjoni ġdida.  Kieku ma mitlix ir-raġel ta’ disgħa u tletin sena, kieku ma kontx nitla’ l-Everest!

Il-lezzjoni l-oħra li tgħallimt hija li ma tistax tkun passiv fil-ħajja. Għandek dejjem taħtaf l-opportunitajiet li jinqalgħu. Tħallix il-ħajja tgħaddi mingħajr ma tkun ippruvajt xi ħaġa differenti, għax ma tafx kemm fadallek żmien. Il-mewt tar-raġel kienet xokk kbir għalija li ġagħalni nqum u naqbad triq oħra.

Ħaditli ftit taż-żmien biex nerġa’ nqum fuq saqajja, imma meta ġejt f’tiegħi, ħtaft l-ewwel opportunità li ġietni. Irrealizzajt kemm kont qed ngħix fid-dell ta’ żewġi. Kont qed inkun biss il-mara tiegħu u ngħix qisni marbuta ma’ djulu. Ħajti saret biċċa minn ħajtu u, bla ma indunajt, ma kont ħallejt kważi ebda spazju biex inkun jien innifsi. Issa għaraft li ħajti hi tiegħi u rrid ngħixha jien u ħadd iżjed. Hekk il-vjaġġ ta’ ħajti ħadni fuq il-quċċata tal-muntanja Everest.Li titla’ muntanja tixbah ftit jew wisq il-vjaġġ tal-ħajja: hija sfida li ġġaġħlektitla’ minn isfel sal-quċċata biex terġa’ tinżel ’l isfel mill-ġdid. U iktar ma tkun għolja l-muntanja, jew ikbar ma tkun l-isfida, iktar ikun iebes l-vjaġġ. Ikun hemm ħafna diffikultajiet u perikli matul it-triq, u kultant ikunu jidhru tqal iżżejjed. Tħossok kważi impossibbli tegħlibhom waħdek. F’mumenti bħal dawn faċli nibdew naqtgħu qalbna. Għalhekk ħafna mill-ħolm tagħna ma jseħħx.

Il-problema ma tkunx li m’aħniex kapaċi nwettqu l-ħolm tagħna. , Fil-fatt aħna kapaċi, imma kultant dak li nkunu rridu nwettqu jkollna bżonn inwettquh bil-għajnuna ta’ xi ħadd ieħor. U proprju hawn tibda tapprezza l-valur ta’ xi ħadd li jimxi miegħek – li jiggwidak, li jemmen fik, li jinkoraġġik, li jurik li m’intix waħdek. Hekk tasal biex titla’ l-muntanja Everest, tkun xi tkun il-muntanja.

Qabel ma tlajt il-muntanja Everest, kont għadni kif sirt armla, mitlufa u waħdi, ma stajtx nara kif se noħroġ minn ġol-abbiss li kont waqajt fih, u ma kontx fittixt xi ħadd li jgħinni ngħaddi mid-dlam għad-dawl. Jien u nikber, dejjem għallmuni li għandek tiġġieled waħdek kontra l-isfidi, theżżeż snienek u tissaporti mingħajr ma titlob għajnuna. Imma l-esperjenza tiegħi ta’ Everest bidlet din l-attitudni tiegħi.Ma tlajtx il-muntanja Everest waħdi. Kelli gwida li kien jismu Ang Nuru. Dan kien bniedem tal-post li kien jaf il-muntanja sew. Kulħadd għandu bżonn lil xi ħadd li jemmen fih meta jkun mkisser mid-dubju, xi ħadd li jinkoraġġih meta jiddgħajjef. Il-gwida tiegħi ra kwalitajiet fija li jien qatt ma kont rajt. Għalkemm ma nkunux waħedna, xorta nkunu aħna li nkunu qed inwettqu l-isfida. Il-gwida jkun hemm biss għall-kuraġġ.

Meta l-Ang Nuru qalli li jien tajba biżżejjed biex nitla’, u meta għaraft li hu kien qed jirriskja ħajtu biex jiġi miegħi, ġietni ċerta enerġija, ċerta qawwa. Affaċċjajt il-biża’ li kelli. Għax kelli lil Ang Nuru miegħi, emmint fija nnifsi għax kien emmen fija hu. Sibt ruħi kapaċi nixxabbat, nimxi, nissaporti l-kesħa, in-nuqqas ta’ ossiġnu. Ma kien baqagħli ebda dubju li kont kapaċi nitla’ sal-quċċata. L-għajnuna tiegħu kienet aktar kruċjali fl-aħħar biċċa qabel il-quċċata. Kienet l-aktar biċċa iebsa.

Meta wasalt fil-quċċata, ma ridtx nemmen li kont għamiltha. Issaħħart mix-xena meraviljuża tad-dinja minn hemm fuq. Sbuħija tremenda. F’qalbi daħlet is-sbuħija tad-dinja tagħna, l-univers li ngħixu fih, il-ħajja li ngawdu u l-kapaċità li nimmeraviljaw ruħna bil-ħolqien.

Kien vjaġġ inkredibbli li għenni nagħraf il-potenzjal tiegħi. Jaħasra kieku nagħrfu l-kapaċitajiet tagħna, kemm nagħmlu affarijiet meraviljużi. Fil-ħajja ħadd ma jista’ jaqdef waħdu, ħadd ma jista’ jasal imkien waħdu. Li titlob l-għajnuna mhux sinjal ta’ kemm int dgħajjef.

Fil-ħajja ħadd mhu priġunier tal-limitazzjonijiet tiegħu stess. Li tipprova hi diġà rebħa fuq il-limitazzjonijiet. Id-dgħufijiet trid tirrispettahom imma ma tridx tħallihom jipparalizzawk.Għalhekk, tibżax toħlom. Qum u pprova!

 


Back to overview

facebook youtube twitter flickr