Farfett li ma jtirx

FARFETT MA JTIRX

Sandro kien ta’ spiss josserva l-fosdqa ta’ farfett fuq ħoġor it-tieqa. Darba, waqt li kien bilqiegħda josserva, ra li kien hemm ftuħ ċkejken fil-fosdqa, u għalhekk qagħad josserva l-farfett għal ħafna sigħat. Rah jisforza biex joħroġ ġismu minn ġo dik it-toqba li kienet tfaċċat fil-fosdqa. Imbagħad donnu waqaf jagħmel progress. Qisu wasal f’punt fejn ma setax jiżvilluppa aktar. Għalhek Sandro ddeċieda li jgħin lill-farfett: qabad imqass u qata’ l-biċċa fosdqa li kien fadal. Il-farfett ħareġ minnufih.

Imma, kellu ġismu minfuħ u ġwenħajh mixruba. Sandro kompla josserva l-farfett, għax stenna li, f’xi ħin jew ieħor ġwenħajh kellhom jikbru biżżejjed biex jifilħu lil ġismu. Xejn minn dan ma ġara! Fil-fatt il-farfett qatta’ l-bqija ta’ ħajtu jitkaxkar b’ġisem minfuħ u ġwenħajn mixruba. Qatt ma żvluppa l-kapaċità li jtir.

Sandro xtaq jgħin u jħaffef ħajjet il-farfett. Xejn ma induna li t-taqbida li kellu jgħaddi minnha l-farfett, kienet proprju l-mod ta kif il-farfett seta jsaħħaħ u jkabbar ġwenħajh. Ladarba jkun irnexxielu joħroġ mill-fosdqa waħdu, imbagħad, ikun lest biex itir.

Kultant ikollna bżonn ngħaddu minn xi taqbida jew battalja f’ħajjitna. Kemm inkunu nixtiequ li xi ħadd iħaffilna t-tbatija u jagħmlilna l-ħajja aktar faċli. Imma, x’jiġri jekk inneħħu l-iebes mill-ħajja? Nibqgħu rotob u ma nkunux nifilħu nerfgħu r-responsabbiltajiet li ġġib magħha l-ħajja. Nibqgħu imwaħħlin fejn inkunu, niktkaxkru għal żaqqna fl-art.

Bla battalji u sagrifiċċji qatt ma niżviluppaw il-kapaċità li ntiru.

X’jiswa li titwieled biex issir farfett, jekk tibqa’ mkaħħal mal-fosdqa ddur fuqek innifsek? Fil-ħajja, imbierek min ikollu l-kuraġġ jiġġieled miegħu innifsu. Isir farfett sabiħ jittajjar mas-smewwiet.

 

 


Back to overview

facebook youtube twitter flickr