Indirizz ta' Merħba lill-Arċisqof - Sixth Form

8 ta’ Ottubru, 2013 

KOMMEMORAZZJONI TA’ JUM IT-TWAQQIF TAL-KULLEĠĠ

INDIRIZZ TA’ MERĦBA LILL-ARĊISQOF FIL-LAQGĦA TIEGĦU MAL-ISTUDENTI U L-ISTAFF TAS-SIXTH FORM 

Eċċellenza, 

F’isem l-istudenti u l-istaff kollu tas-sixth form nixtieq nerġa’ nagħtik merħba fil-Kulleġġ San Alwiġi. 

Minn qalbi nixtieq nirringrazzjak li aċċetajt li tkun magħna dal-għodu, aħna u nikkommemoraw il-106 sena minn mindu l-Kulleġġ San Alwiġi fetaħ il-bibien tiegħu bħala skola sekondarja. 

Fl-indirizz li għamiltlek dal-għodu tajtek ħarsa ħafifa lejn l-istorja tal-edukazzjoni li l-Ġiżwiti taw u qed jagħtu f’pajjiżna. Xtaqt li issa nsemmilek xi punti importanti marbuta mal-istorja tas-sixth form. 

Is-sixth form tagħna fetaħ fit-12 ta’ Ottubru 1962. Matul l-ewwel sena kien hemm biss sittax –il student: 13 –il student Ġiżwita u 3 studenti tas-Soċjeta Missjunarja ta’ San Pawl u fl-ewwel sena skolastika, ġie offrut biss il-kors tal-Arti. Mis-sena ta’ wara, żdied il-kors tax-Xjenza permezz tat-tagħlim tal-Kimika u tal-Bijoloġija. Sfortunatament fl-1966, is-Sixth form kellu jagħlaq għal ftit snin minħabba n-numru baxx ta’ applikanti u reġa fetaħ fl-1970. Mill-1972 bdejna noffru korsijiet oħra li jinkludu l-Matematika u l-Kummerċ fil-livell avvanzat u matul l-istess sena bdejna ndaħħlu l-istudenti bniet ukoll. 

Is-sixth form baqa’ jikber u jiżviluppa biex ikun jista’ joffri edukazzjoni sħiħa liż-żgħażagħ tagħna. Fl-1991 il-Ġiżwiti bnew skola oħra biex ikunu jistgħu ikabbru s-sixth form li sa dik is-sena kien qiegħed biss f’nofs it-tielet sular tal-iskola sekondarja. Illum il-ġurnata fis-sixth form tagħna għandna 521 student u studenta, l-ikbar popolazzjoni ta’ studenti sa mit-twaqqif tiegħu.  

Fil-waqt li qed nagħtu tagħlim ta’ kwalita’ lill-istudenti fl-iskola Primarja u fl-iskola Sekondarja, aħna l-Ġiżwiti qed nagħmlu għażla ċara li l-iskola tagħna fil-livell post sekondarju tkun waħda li twassal lill-istudenti għall-eżami tal-MATSEC fil-livell avvanzat u fil-livell intermedjarju. Il-proċess tad-dħul tal-istudenti huwa mill-iktar trasparenti u bbażat fuq sistema ta’ punti marbuta mar-riżultati akkademiċi fil-livell ordinarju tal-MATSEC. Fil-waqt li nixtiequ li nżommu għal kollox it-trasparenza tal-proċess tad-dħul f’din l-iskola, qed nagħmlu xi bidliet biex innaqsu l-kompetizzjoni u nwessgħu il-possibiltajiet tad-dħul tal-istudenti li jixtiequ jagħżlu s-sixth form tagħna. Biex tingħata Cura personalis ta’ kwalita’ nixtiequ nżommu n-numru tal-istudenti kif inhu bħalissa. 

Din is-sena daħħalna numru ikbar ta’ studenti. Wessajna l-għażliet tas-suġġetti biex l-istudenti jkunu jistgħu jażgħlu korsjiet oħra fl-Universita’ li sa issa ma setgħux jagħżluhom. Daħħalna wkoll l-kors tal-Business and Computing biex inħallu iktar spazju lil dawk l-istudenti li jixtiequ jagħżlu l-kors tal-Matematika u l-Fiżika.  

Tajjeb tkun taf li kull sena ndaħħlu numru ta’ studenti bi bżonnijiet edukattivi partikulari. Dan qed nagħmluh f’kooerenza sħiħa mal-valur tal-inklużjoni imma b’kongruwenza mal-għażla li qed nagħmlu għat-tip ta’ sixth form tagħna, jiġifieri li nħejju lill-istudenti għall-MATSEC fil-livelli Avvanzat u Intermedjarju. Barra minn hekk, it-tip ta’ formazzjoni li nagħtu hija waħda sħiħa li tgħin lill-istudenti jikbru fid-dimensjonijiet kollha tal-formazzjoni tagħhom:  umana, spiritwali u soċjali. Qed nistudjaw bidliet żgħar oħra biex tkompli tonqos il-kompetizzjoni u biex jekk ikun possibli nagħtu każ iktar ta’ kriterji oħra barra dak intelletwali fid-dħul għas-sixth form. Żgur li ma nixtiequx li nitilfu t-trasparenza tal-process li llum il-ġurnata huwa iktar minn qatt qabel valur importanti fis-soċjeta civili u fil-Knisja. 

Il-valuri tal-Vision Statement li approva l-Bord tal-Kulleġġ huma ċari ħafna. Żgur li ma nkunux kuntenti li l-istudenti tagħna jmorru tajjeb fl-eżamijiet mingħajr ma jikbru biex isiru “irġiel u nisa mal-oħrajn u għall-oħrajn”.  Hu ta’ sodisfazzjoni kbir għalina li medja ta’ 95% tal-istudenti tagħna jkomplu l-istudji tagħhom fil-livell terzjarju. Imma hu ta’ sodisfazzjon ikbar meta naraw li l-istudenti tagħna jsiru persuni miftuħa dejjem aktar biex jimmaturaw, jixtiequ jikbru fir-relazzjoni tagħhom ma’ Alla u permezz tal-formazzjoni li nagħtuhom isiru iktar impenjati favur il-ġustizzja evanġelika. 

Fid-diskors tiegħu lill-istudenti, għalliema u ġenituri tal-iskejjel tal-Ġiżwiti fl-Italja u fl-Albanija, il-Papa Franġisku saħaq ferm fuq l-importanza li l-iskejjel tagħna jiffurmaw persuni b’qalb kbira. Dan hu dak li nixtiequ aħna: li l-istudenti tagħna jiksbu riżultati tajbin imma fuq kollox li jsiru ġenerużi u jużaw l-intelliġenza u l-kwalitajiet li tagħhom Alla biex jgħinu lil dawk il-persuni l-iktar fil-bżonn.  

Din il-formazzjoni sħiħa tingħata minn grupp ta’ għalliema u amminstraturi dedikati ħafna għall-missjoni tagħhom u dan kollu minkejja l-fatt li l-salarju tagħhom sfortunatament għadu l-istess bħal dak ta’ għalliema u amministraturi fil-livell sekondarju! Minn qalbi nixtieq nirringrazzja lilkom għalliema u amminstraturi tas-sixth form tas-servizz kompetenti li tagtu lill-istudenti tagħna. 

Nixtieq nirringrazzja wkoll lill-membri tal-Bord tal-Kulleġġ tal-pariri siewja li jagħtu lili bħala rettur kif ukoll lill-membri tal-management team li magħhom inqatta’ l-iktar ħin fit-tmexxija tal-iskola tagħna. Nirringrazzja wkoll lilek Patri Provinċjal tal-appoġġ li tagħti lili u lill-iskola fil-missjoni li qed inwettqu. Żgur li ma nixtieqx ninsa lilkom Fr. Charles Mallia u s-Sur Ian Mifsud tal-appoġġ tagħkom fit-tmexxija tat-tliet skejjel. 

Eċċellenza, grazzi mill-qalb tal-preżenza tiegħek fostna. Grazzi tal-appoġġ li inti tagħtina fil-missjoni tagħna fost tant studenti u żgħażagħ. Inwiegħduk it-talb tagħna biex Alla jagħtik dak kollu li għandek bżonn fit-tmexxija tad-Djoċesi tal-Knisja li qiegħda f’Malta. 

Grazzi ħafna. 

P. Jimmy Bartolo sj

Rettur  

                     


Back to overview

facebook youtube twitter flickr