Jesuit Refugee Service - Is-Servizz tal-Ġiżwiti mar-Refuġjati

Jesuit Refugee Service

Is-Servizz tal-Ġiżwiti mar-Refuġjati

Joseph Cassar, SJ

 

“God bless you all,” jgħidilna Yousuf[1], żgħażugħ mis-Somalja, huwa u jħalli l-uffiċċju tal-Jesuit Refugee Service (JRS) f’Birkirkara. Lil Yousuf ilna nafuh minn meta kien għal bosta xhur fiċ-ċentru ta’ detenzjoni: żagħzugħ kwiet, li għadu jġorr f’ġismu u jħoss f’għadmu l-ġerħat ta’ meta ntlaqat mix-xrapnel ta’ bomba li farrket id-dar tal-ġirien tagħhom f’Mogadishu, il-kapitali tas-Somalja. Yousuf għandu 26 sena. Pajjiżu ilu mingħajr gvern li jista’ jmexxi l-pajjiż għal dawn l-aħħar 20 sena. “Kemm hi sabiħa l-paċi li għandkom hawn Malta,” jgħidilna. “Ibżgħu għaliha.”

Yousuf huwa wieħed minn ħafna refuġjati[2] li ta’ kuljum jiġu l-Jesuit Refugee Service, Birkirkara. Mill-uffiċċju tagħna fil-kumpless sportiv tal-Kulleġġ San Alwiġi tgħaddi l-umanità fil-varjetà tagħha: nies mill-Eritrea, mis-Somalja, mill-Etjopja, mis-Sudan, mil-Libja, Kurdi, u oħrajn minn xi 35 pajjiż ieħor mill-Afrika, mil-Lvant Nofsani u mill-Asja. Kull bniedem storja differenti, storja individwali, storja ta’ ħajja mħarbta mill-ħarba. Irġiel u nisa, żgħar u kbar, ommijiet bit-trabi, koppji miżżewġa, Insara u mhumiex, uċuħ inkwetati, ġieli min jibki, imma xi tbissima ma tonqosx.

Għad li numru kbir ta’ nies jiġu għandna kull ġimgħa, ix-xogħol taghna mhux li noqogħdu nistennew in-nies ġejjin l-uffiċċju, imma li mmorru aħna fejn l-iktar hemm bżonn, skont ma nlaħħqu. Fil-kuntest Malti ta’ matul dawn l-aħħar għaxar snin, dan kien ifisser li mmorru regolarment fiċ-ċentri ta’ detenzjoni, fejn jinsabu dawk li huma l-iktar fil-bżonn għax imċaħħdin mil-libertà. It-tim tagħna huwa magħmul minn saċerdoti u reliġjużi Ġiżwiti, avukati, assistenti legali, ħaddiema soċjali, infermiera, medjaturi kulturali, amministratur u xi voluntiera li jgħinu f’oqsma differenti.

F’Malta, il-Jesuit Refugee Service twaqqaf f’Jannar tal-1993. Qabel dik id-data, Ġiżwiti u voluntiera Maltin kienu taw sehemhom fil-missjoni tal-Kumpanija ta’ Ġesù qalb ir-refuġjati f’diversi pajjiżi madwar id-dinja, fosthom il-Malasja, it-Tajlandja, l-Etjopja u viċin tagħna f’Ruma. Minn bidu żgħir f’rokna tad-dinja iktar minn 30 sena ilu, il-Jesuit Refugee Service illum huwa mifrux f’57 pajjiż minn fost il-125 pajjiż fejn jinsabu l-Ġiżwiti. Saċerdoti Ġiżwiti, brothers u Ġiżwiti fil-formazzjoni, lajċi rġiel u nisa, sorijiet u patrijiet minn ordnijiet u kongregazzjonijiet differenti jaħdmu id f’id biex jakkumpanjaw, jaqdu u jiddefendu d-drittijiet tar-refuġjati u l-persuni mġiegħla jaħarbu minn pajjiżhom. Din hi l-missjoni tal-JRS, li ġġibna wiċċ imb’wiċċ ma’ bnedmin li ħajjithom indarbet mill-ġerħa tal-fruntiera.

“Agħar minn Hiroshima”

Kienet l-esperjenza ta’ diversi Ġiżwiti fix-xlokk tal-Asja fis-snin wara l-gwerra tal-Vjetnam li wasslet għat-twaqqif tal-Jesuit Refugee Service f’Novembru tal-1980. Padre Pedro Arrupe, li kien is-Superjur Ġenerali tal-Ġiżwiti bejn l-1965 u l-1981, ħassu milqut ferm mir-rapporti li kienu qed jaslulu minn bosta Ġiżwiti dwar dak li  kienu qegħdin jaraw fi-Tajlandja, il-Malasja, Hong Kong, u l-Indoneżja, pajjiżi ġirien tal-Vjetnam, il-Kambodja u l-Laos. Arrupe ried li l-Ġiżwiti jwieġbu għal din il-kriżi umanitarja b’mod koordinat u Kristjan. Hekk twieled il-JRS.

Pedro Arrupe kien midħla tat-tbatija li ġġib magħha l-persekuzzjoni u l-gwerra. Wara li f’żgħożitu, flimkien ma’ ħafna Ġiżwiti sħabu, Arrupe spiċċa eżiljat minn Spanja fi żmien il-gwerra ċivili Spanjola, iktar tard intbagħat bħala missjunarju l-Ġappun. Kienet għadha kif faqqgħet il-gwerra bejn il-Ġappun u l-Istati Uniti, u billi Arrupe kien għamel parti mill-istudji tiegħu l-Amerika, tefgħuh il-ħabs. Ftit snin wara, meta kien majjistru tan-novizzi Ġiżwiti Ġappuniżi f’Hiroshima, kien xhud tal-qerda, il-ħerba u l-mewt li ħalliet l-ewwel bomba atomika li ntefgħet fuq dik il-belt fis-6 ta’ Awissu 1945. Arrupe baqa’ ħaj u, flimkien man-novizzi tiegħu, ħareġ ifittex il-midruba qalb it-tifrik ta’ dik il-belt kbira. Bħala Superjur Ġenerali tal-Ġiżwiti, Arrupe fehem li l-Ispirtu s-Santu kien qiegħed isejjaħ il-Knisja biex tagħmel għażla preferenzjali għall-fqar u ried li l-Kumpanija ta’ Ġesù ma toqgħodx lura milli twieġeb għal din is-sejħa. Huwa żar il-Ġiżwiti f’kull kontinent, u ried li din l-għażla għall-fqar tmiss, tinfed, u tnebbaħ kull appostolat, ħidma u servizz li joffru l-Ġiżwiti kif ukoll l-istess stil ta’ ħajja tagħna. Meta żar ix-xlokk tal-Asja ftit xhur wara li waqqaf il-Jesuit Refugee Service, eżatt qabel ma tatu puplesija li qatt ma rkupra minnha, Arrupe baqa’ milqut b’dak li ra b’għajnejh. Eluf ta’ nies li kienu qed jegħrqu fil-baħar tan-nofsinhar taċ-Ċina huma u jippruvaw jaħarbu bid-dgħajjes u jfittxu l-kenn f’pajjiżi oħra. Mijiet kienu qed jindarbu bil-mini [3] huma u jfittxu li jgħaddu mill-ġungla biex jaqsmu l-fruntiera. Fi kliem Arrupe, it-traġedja tar-refuġjati kienet “agħar minn Hiroshima.”

Huwa stmat li sa qabel ma beda l-inkwiet fil-pajjiżi Għarab fil-bidu tal-2011, kien hawn mat-43.7 miljun persuna madwar id-dinja li huma refuġjati, jew f’sitwazzjoni simili għal refuġjati. Din il-figura tinkludi nies li huma refuġjati interni, maħrubin minn naħa għall-oħra f’pajjiżhom stess – bħalma rajna xi xhur ilu fil-Kosta tal-Avorju – nies li qed ifittxu l-ażil u nies li m’għandhom l-ebda stat. 80% tar-refuġjati jinsabu fl-ifqar pajjiżi tad-dinja, prinċipalment fl-Afrika. Għalkemm ħafna jaħsbu li r-refuġjati kollha moħħhom biex imorru fil-pajjiżi sinjuri, fil-fatt huma l-pajjiżi l-fqar tad-dinja li qed iġorru l-ikbar responsabbiltà fl-akkoljenza tar-refuġjati.

Il-Ħidma tal-JRS

Barra mill-Ewropa u mill-pajjiżi industrijalizzati, il-JRS issibu fil-kampijiet tar-refuġjati, fejn għexieren jekk mhux mijiet ta’ eluf ta’ refuġjati jsibu l-ewwel kenn wara li jaqsmu l-fruntiera. Hekk per eżempju fil-Kenja, it-Tanzanija, il-Burundi, ir-Rwanda, is-Sri Lanka jew in-Nepal. Il-ħidma tagħna tinkludi s-servizz pastorali qalb l-Insara, l-edukazzjoni primarja u sekondarja, proġetti oħra ta’ taħriġ u tagħlim ta’ snajja’, tal-biedja u ta’ artiġjanat jew xogħol ieħor biex in-nies jaqilgħu xi ħaġa tal-flus. Madankollu, kontribut ewlieni li nagħtu bil-ħidma tagħna qalb ir-refuġjati huwa li nkomplu nitkellmu f’isimhom, niddefendu d-drittijiet tagħhom madwar id-dinja u ngħinu biex jinstemgħu huma stess. Il-preżenza u l-esperjenza tagħna fil-kampijiet fil-pajjiżi tal-ewwel ħarba, f’pajjiżi oħra minn fejn jgħaddu jew fejn jintlaqgħu r-refuġjati tagħti kredibilità unika lill-isforzi tagħna biex nitkellmu f’isem ir-refuġjati u niddefendu d-drittijiet tagħhom – din mhix attività li titwieled fuq l-iskrivaniji imma ġejja mill-esperjenza diretta. Hawn Malta, l-ewwel kuntatt tagħna man-nies f’din is-sitwazzjoni jsir fiċ-ċentri ta’ detenzjoni. Ċentru ta’ detenzjoni huwa bħal ħabs fejn jinżammu immigranti li waslu Malta b’mod irregolari[4]. Irridu nżommu quddiem għajnejna li persuna li qed taħrab minn pajjiżha u mill-gvern li qiegħed jhedded is-sigurtà tagħha ma jifdlilha l-ebda mod ieħor kif tivvjaġġa ħlief b’mod irregolari.

Fiċ-ċentri ta’ detenzjoni tiltaqa’ ma’ varjetà sħiħa ta’ nies, imma wkoll ma’ nies ġejjin mill-istess pajjiż, forsi mill-istess belt jew minn ċirkostanzi simili. Għad li dawk kollha li waslu bid-dgħajjes fl-aħħar disa’ snin ġew mil-Libja, kważi kollha huma Afrikani mill-pajjiżi ’l isfel mis-Sahara. Ma tistax tgħid li jekk smajt l-istorja ta’ wieħed tkun smajt ta’ kulħadd: kull bniedem storja għalih. Meta jkollna ftit iktar ċans biex l-individwu jibda jkellimna bil-kwiet, insiru nafuh aħjar. Minn xiex għaddiet dik il-mara? Lil min tilef dan ir-raġel qabel ma ħarab mis-Sudan? U dan, għaliex ħarab mill-Eritrea? Liema perikli ħabbtet wiċċha magħhom din il-mara hija u taqsam id-deżert tas-Sahara marsusa fil-kaxxa ta’ Toyota LandCruiser ma’ 35 ruħ oħra? X’għamlulu lil dan il-ġuvni mis-Somalja meta qabduh il-pulizija fi Tripli bla dokumenti u xeħtuh il-ħabs? X’ħass dan ir-raġel meta ra lil sieħbu jbati huwa u jaqla’ xebgħa virga mis-suldati Libjani u għax qalilhom jieqfu qala’ xebgħa li għadha tikkawżalu ħafna uġigħ? Minn xiex għaddiet din il-mara li qisha tibża’ minn kulħadd? X’kien qed jiġri minn dawk in-nies li sena jew sentejn ilu l-gwardji Taljani kienu qed isibuhom f’nofs ta’ baħar u jerġgħu jeħduhom il-Libja bilfors?

Imma ma mmorrux fiċ-ċentri ta’ detenzjoni biex noqogħdu nisimgħu l-istejjer. L-iktar ħaġa importanti għalina hija nakkumpanjaw in-nies f’dan iż-żmien tant diffiċli għalihom u li lil kull persuna nagħtuha informazzjoni tajba u korretta dwar id-drittijiet tagħha bħala persuna li qed tfittex il-protezzjoni dwar kif taħdem is-sistema tal-ażil f’Malta. Idealment, din l-informazzjoni tingħata lil kull wieħed individwalment, imma meta ħafna nies jaslu f’daqqa din trid tingħata fi gruppi. Minn dan il-kuntatt insiru nafu bi bżonnijiet jew każijiet partikolari li jitolbu iktar ħin u attenzjoni min-naħa tagħna. Dan mhux biss fuq livell legali u ta’ informazzjoni, imma wkoll u speċjalment fejn jidħlu persunu vulnerabbli. Il-liġi tgħid li persuni vulnerabbli m’għandhomx jinżammu fid-detenzjoni, imma filwaqt li mara b’bosta xhur ta’ tqala jew familja bit-tfal jew xi ħadd b’riġel maqtugħ mill-ewwel jingħarfu, hemm forom oħra ta’ vulnerabilità li nintebħu bihom iktar ma nsiru nafu n-nies mill-qrib u, għax inżuruhom regolarment, iktar ma jafdawna. Kull każ ta’ dan it-tip jeħtieġ ħafna attenzjoni individwali u jirrikjedi ħafna sigħat oħra ta’ xogħol ladarba nkunu lura fl-uffiċċju. Dan il-kuntatt tagħna mill-qrib man-nies jgħinna biex nitkellmu għalihom u f’isimhom, ħaġa li nagħmluha bl-ikbar sens ta’ dover.

Għad li nagħtu prijorità lin-nies fiċ-ċentri ta’ detenzjoni, il-kuntatt tagħna magħhom ma jispiċċax meta joħorġu minn hemm u jsibu ruħhom jitħabtu mal-kundizzjonijiet sikwit diffiċli ta’ xi wieħed mic-ċentri miftuħa. Ħafna huma dawk li jiġu l-uffiċċju jfittxuna għal raġunijiet differenti. Għad li nipprovaw ngħinu lil ħafna nies b’affarijiet materjali li jkollhom bżonn, din mhix il-ħidma ewlenija tal-JRS. Għalina, ir-refuġjat mhux l-oġġett tal-karità tagħna imma persuna li għandu drittijiet imħarsa mil-liġijiet internazzjonali u nazzjonali: fuq kollox huwa bniedem. Din il-perspettiva tad-drittijiet tal-bniedem tanima s-servizzi professjonali li noffru b’xejn, u li bihom persuna li ngħatat il-protezzjoni internazzjonali f’Malta nistgħu ngħinuha tgawdi d-drittijiet li jikkorrispondu lilha.

L-erba’ oqsma ewlenin tal-ħidma tal-JRS f’Malta huma

  • l-informazzjoni, il-pariri u l-għajnuna legali
  • l-appoġġ psikosoċjali
  • it-tkattir tal-għarfien pubbliku dwar ir-raġunijiet tal-ħarba
  • il-ħidma pastorali

Wieħed jistaqsi bir-raġun x’noqogħdu nagħmlu. Fil-prattika, jum wara l-ieħor, dan ifisser li kemm jekk fiċ-ċentri ta’ detenzjoni, kemm jekk fl-uffiċċju tagħna jew kull fejn ninsabu mar-refuġjati

  • nakkumpanjawhom bil-preżenza, bis-smigħ, u b’servizzi professjonali
  • nagħtu informazzjoni, pariri u għajnuna legali lil min jeħtieġhom
  • noffru servizz ta’ ħidma soċjali għall-persuni l-iktar vulnerabbli
  • nakkumpanjaw lil dawk li għandhom problemi partikolari ta’ saħħa fiżika u mentali fl-isptarijiet u fil-kura meħtieġa
  • nagħmlu ħilitna biex nifhmu dejjem aħjar minn xiex għaddew u għaddejjin
  • nagħmlu riċerka u rakkomandazzjonijiet biex jinbidlu jew jitjiebu l-politiki li jolqtu l-persuni li jfittxu l-protezzjoni internazzjonali f’Malta
  • inżuru skejjel tal-gvern, tal-Knisja u indipendenti biex l-istudenti jisimgħu l-esperjenzi ta’ min kellu jaħrab minn pajjiżu u jifhem għalfejn wieħed isib ruħu mġiegħel jagħmel dan il-pass
  • nitkellmu, f’Malta u barra minn Malta, f’isem min ma jistax jew ma jafx kif isemma’ leħnu
  • niċċelebraw il-Quddiesa tal-Ħadd fiċ-ċentri ta’ detenzjoni u ma’ dawk li qegħdin barra, u nagħtu kull appoġġ spiritwali li nistgħu
  • nagħmlu taħdidiet fl-Università u f’istituzzjonijiet oħra
  • norganizzaw konferenzi u laqgħat biex flimkien ma’ oħrajn nesploraw soluzzjonijiet iktar effettivi għall-persuni li jinsabu Malta
  • nisimgħu fuq li nisimgħu dwar il-weġgħat moħbija u t-tamiet għall-ġejjieni
  • ninkoraġġixxu n-nies kemm nifilħu biex iqumu fuq saqajhom
  • noffru għajnuna materjali u finanzjarja f’waqtha skont il-mezzi tagħna

 

Saħansitra, minn din is-sena għandna tim tal-futbol li għandu 47 plejer li jittrenjaw regolarment darbtejn fil-ġimgħa.

Il-JRS mhux jien, u lanqas il-Ġiżwiti, imma t-tim kollu kemm hu, u iktar minn hekk ukoll. Meta nara d-dekikazzjoni li biha l-kollegi tiegħi jieħdu ħsieb tan-nies li nżuru jew li jiġu għandna – min jaf kemm-il darba barra l-ħin tax-xogħol, meta nara kemm attenzjoni tingħata lil min hu iktar batut u jinsab l-isptar jew l-isptar mentali, lil min spiċċa barra t-triq u m’għandux fejn joqgħod, lil min hu qalbu maqtugħa... nirringrazzja ’l Alla li jeżisti l-JRS. Ilkoll kemm aħna nindunaw li l-għajnuna professjonali li nagħtu tista’ tagħmel differenza kbira u tgħin lil dak li jkun iqum fuq saqajh mill-ġdid. Imma li kull persuna jħossu stmat ta’ bniedem hija l-qofol ta’ kull servizz. Il-JRS hu iktar mit-tim meta nara li min qiegħed jgħinna finanzjarjament u mod ieħor biex inwettqu l-missjoni tagħna mhux qed jeħles miż-żejjed li għandu imma qed jagħti b’imħabba u sagrifiċċju. Kull min insibuh ta’ għajnuna, kemm jekk fi sptar, fi skola, f’ħanut jew post tax-xogħol, fost dawk stess li jkunu għassa ma’ min qiegħed maqful fid-detenzjoni ... dan nafuhulu u nroddulu ħajr mill-qalb. Sfida importanti għalina hi li ma nkunux biss NGO (organizzazzjoni mhux governattiva), imma li tassew naqdu bl-ispirtu uniku li ġej mit-tnebbiħa oriġinali li biha nbeda l-JRS.

 

Fejn jinsab Alla f'dan kollu?

Din hi l-mistoqsija li sikwit insib lili nnifsi nistaqsiha. U li sikwit staqsewhieli. Il-ħajja tar-refuġjat mhix faċli. Jekk inħarsu lejha minn perspettiva ta’ fidi, il-ħajja tar-refuġjati hija kontinwazzjoni tat-tbatija ta’ Kristu fil-bnedmin ta’ żmienna. M’hemmx risposti faċli għat-tbatija, u ħafna drabi m’hemmx risposti...

Għalija bħala saċerdot, iċ-ċelebrazzjoni tal-Quddiesa kull nhar ta’ Ħadd f’ċentru tad-detenzjoni huwa qofol tal-ġimgħa. Għal dawn l-aħħar tliet snin, din hi l-parroċċa tiegħi, dawn huma l-parruċċani ‘tiegħi’ – l-immigranti maqfulin ġewwa, jistennew tweġiba pożittiva dwar it-talba tagħhom għall-ażil. Kemm jieħu tifsir qawwi l-qari kollu mill-Iskrittura li jitkellem dwar il-ħruġ mill-jasar fl-Eġittu, il-ħelsien minn idejn il-Fargħun, l-erbgħin sena fid-deżert, l-esperjenza qarsa tal-eżilju fil-Babilonja, Alla li ma jitlaqx il-poplu tiegħu, it-tama f’Alla li jsalva. Xi ngħid għall-Evanġelju? Mit-twelid ta’ Ġesù f’maxtura għax ma kien hemm post għalih imkien, għall-ħarba lejn l-Eġittu u l-qtil tal-innoċenti, il-proklamazzjoni ta’ Ġesù fis-sinagoga ta’ Kafarnahum, il-Beatitudnijiet, il-mirakli ta’ fejqan u ħelsien, l-aħħar ġudizzju, l-Aħħar Ċena, il-mewt ta’ Ġesù fuq is-salib u l-qawmien mill-mewt... l-Evanġelju jieħu dimensjoni ġdida u qawwija. Kemm jgħinuni nitlob meta, sa minn qabel ma nasal insib lill-Insara kollha jistennewni u jkantaw kant reliġjuż, bil-Bibbja f’idejhom u jfittxu li jsegwu mill-Bibbja meta naqraw il-Kelma ta’ Alla. Kemm attenzjoni waqt l-omelija. Kemm ikunu mqanqla t-talbiet tal-fidili. Kemm hu qawwi l-mument tal-Konsagrazzjoni meta l-hobż u l-inbid jinbidlu fil-ġisem u d-demm ta’ Kristu Sidi waqt li qiegħed inqaddes fuq altar li hu kaxxa tal-kartun. “Dan hu l-Ħaruf ta’ Alla, dan Hu li jneħħi d-dnubiet tad-dinja”. Dan hu l-ġisem ta’ Kristu, maqsum u mogħti għal dawk li f’laħamhom ġarrbu l-ġerħa tal-fruntiera – tal-fruntieri ġeografiċi, kulturali u razzjali li l-bnedmin itellgħu bejniethom biex iżommu ’l ħaddieħor barra. U Alla jkellimni bl-uċuħ u bl-ilħna differenti li niltaqa’ magħhom hemm... għax Hu qiegħed magħhom u fihom.

Il-ġerħa tal-fruntiera li tissarraf fil-ħajja tar-refuġjat tfakkarni fil-ġenb minfud ta’ Kristu. Hija realtà mifruxa li l-Knisja tat-tielet millennju ma’ tistax tinjoraha, li ebda Nisrani ma jista’ jgħid li m’għandhiex x’taqsam miegħu... għax għandha x’taqsam ma’ Sidna. Hemm kontradizzjoni kbira bejn id-dinja globalizzata fejn il-flus, il-kapital, ir-riżorsi u l-prodotti jaqsmu l-fruntieri dejjem iktar malajr waqt li l-bnedmin li għandhom bżonn tal-protezzjoni jeħlu ma’ kull pass. Meta aħna l-Insara nsemmgħu leħenna għar-refuġjati, qed nieħdu sehem fil-missjoni profetika tal-Imgħallem tagħna (Lq 4,17-21).



[1] L-isem mibdul biex titħares l-identità tal-individwu.

[2] Il-kelma refuġjati qed nużawha f’sens wiesgħa. Fis-sens tal-Konvenzjoni ta’ Ġinevra dwar ir-Refuġjati tal-1951, Artiklu 1, “refuġjat” huwa persuna li “minħabba f’biża’ msejjes fuq ir-realtà li jista’ jiġi persegwitat għal raġunijiet ta’ razza, reliġjon, nazzjonalità, sħubija f ’xi grupp soċjali jew fehma politika partikolari, ikun jinsab barra mill-pajjiż tan-nazzjonalità tiegħu u ma jkunx kapaċi jew, minħabba f ’dak il-biża’, ma jkunx irid, jinqeda bil-protezzjoni ta’ dak il-pajjiż; jew li, mingħajr ma jkollu nazzjonalità u filwaqt li jkun barra mill-pajjiż fejn soltu kien joqgħod, minħabba f’dawn l-avvenimenti, ma jkunx kapaċi jew, minħabba f’dak il-biża’, ma jkunx irid jerġa’ lura fih.” Għall-Knisja Kattolika, “fil-kategorji tal-Konvenzjoni Internazzjonali mhumiex inklużi l-vittmi tal-konflitti armati, ta’ politiki ekonomiċi żbaljati u diżastri naturali. Għal raġunijiet umanitarji, illum qed jiżdied il-konsensus biex nies bħal dawn jingħarfu bħala refuġjati de facto minħabba n-natura involvontarja tal-migrazzjoni tagħhom. Hemm ħafna nies li huma maqlugħin minn djarhom mingħajr ma jaqsmu l-fruntieri nazzjonali. Għal raġunijiet umanitarji, dawn in-nies ukoll għandhom jingħarfu bħala refuġjati bħal dawk imsemmija mill-Konvenzjoni għax huma vittmi tal-istess tip ta’ vjolenza.” Ara Kunsill Pontifiċju Cor Unum u Kunsill Pontifiċju għall-Kura Pastorali tal-Migranti u Itineranti: Refugees: A Challenge to Solidarity, 1992, n. 4. Għall-iskopijiet ta’ dan l-artiklu tkopri dawk li kienu mġiegħla jaħarbu minn pajjiżhom minħabba ċirkostanzi ta’ vjolenza u ksur tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi dawk li għadhom fi triqithom lejn pajjiż sigur, għadhom m’għamlux talba uffiċjali għall-protezzjoni (ażil) f’pajjiż ieħor jew għad m’għandhomx għarfien uffiċjali bħala refuġjati. Qed nifhmu wkoll dawk li ngħataw protezzjoni internazzjonali imsejħa “protezzjoni sussidjarja”.

[3] Il-mini kontra l-bniedem, magħrufa wkoll bħala anti-personnel landmines huma armamenti li jitqiegħdu jew jixxerdu mal-art u jisplodu kif jintlaqtu jew jintrifsu. L-użu tagħhom ġie pprojbit bit-Trattat ta’ Ottawa tal-1997. Din il-Konvenzjoni hija ratifikata minn 156 pajjiż madwar id-dinja, imma għad hemm 33 pajjiż li ma ffirmawx dan it-trattat, il-biċċa l-kbira fl-Asja, imma fosthom l-Istati Uniti tal-Amerika.

[4] Għad li f’dawn l-aħħar sentejn sar xi titjib strutturali f’dawn iċ-ċentri, li tassew napprezzawh, hawn Malta għad għandna ċentri fejn l-istess ambjent li fih jinżammu n-nies ma jirrispettax id-dinjità umana tagħhom. Barra minn hekk, hemm tassew għalfejn nistaqsu għaliex nies li qed ifittxu l-protezzjoni internazzjonali wara li kellhom jaħarbu minn pajjiżhom jew minn pajjiż ieħor fejn kienu jinsabu minħabba l-vjolenza, il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem jew il-gwerra għandhom jinżammu maqfulin daqslikieku f’ħabs, fuq xuxlin, u mingħajr ma għandhom l-ebda attività x’jagħmlu għas-sempliċi raġuni li waslu hawn b’mod irregolari. Mistoqsijet serji ta’ dan it-tip tqajmu dan l-aħħar mill-ġdid fir-Rapport mill-Kummissarju tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Kunsill tal-Ewropa Thomas Hammarberg, wara żjara li għamel f’Malta bejn it-23 u l-25 ta’ Marzu 2011. Ara: Report by Thomas Hammarberg, Commissioner for Human Rights of the Council of Europe, following his visit to Malta from 23 to 25 March 2011, https://wcd.coe.int/wcd/ViewDoc.jsp?id=1797917. Kritiku wkoll għas-sistema tad-detenzjoni f’Malta huwa r-Rapport tal-Grupp ta’ Ħidma tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Detenzjoni Arbitrarja tal-2009. Ara: Report of the (UN) Working Group on Arbitrary Detention – Mission to Malta (19-23 January 2009) A/HRC/13/30/Add.2, li jinsab fuq http://www2.ohchr.org/english/issues/detention/index.htm.  Hekk ukoll hija s-sentenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem Louled Massoud v. Malta, Application no. 24340/08, Council of Europe: European Court of Human Rights, 27 July 2010, http://www.unhcr.org/refworld/docid/4c6ba1232.html 

In-natura tal-ħarba mill-pajjiż ma tħalli l-ebda mod biex wieħed jivvjaġġa b’mod regolari. Għal min ikollu jaħrab minn pajjiżu, li tivvjaġġa b’dan il-mod mhix għażla imma l-uniku triq possibbli. Tabilħaqq, mhux kull min jasal hawn Malta fuq dgħajsa jew lanċa b’mod irregolari ma jikkwalifika għall-protezzjoni internazzjonali, imma tajjeb li niftakru li iktar minn 50% ta’ dawk li waslu Malta b’mod irregolari mill-2002 ’l hawn u talbu l-ażil ingħataw xi forma ta’ protezzjoni. Ftit ħafna huma dawk li ngħataw l-istatus ta’ refuġjat, imma l-protezzjoni sussidjarja li ngħatat lill-parti kbira ta’ dawk li talbu l-protezzjoni turi biċ-ċar li n-nies li qed jsibu ruħhom fuq xtutna b’dan il-mod kellhom bżonn tal-protezzjoni internazzjonali. Lil ħadd minna ma jgħaddilu minn moħħu jmur f’pajjiż ieħor b’mod irregolari għax id-drittijiet tagħna huma mħarsin mil-liġijiet ta’ Malta u dawk tal-Unjoni Ewropea, imma meta l-pajjiż li wieħed jgħix fih la jirrispetta l-liġi u lanqas iħares id-drittijiet taċ-ċittadin, ħafna drabi ma tibqa’ l-ebda għażla oħra ħlief dik tal-ħarba.

 

Dan l-artiklu deher fi Knisja 2000, April-Ġunju 2011 (Nru  96), pp. 93-102.

facebook youtube twitter flickr