Esperjenza ta Marilyn fic- Chile

Esperjenza ta Marilyn fic- Chile

Marilyn, 21, child care assistant, ukoll hija voluntiera li qattgħet sena ta’ volontarjat f’Santiago c-Chile. Hi ħadmet mat-tfal taħt il-ħames snin.

Għazilt li nmur f’pajjiz bl-ikbar kosta fin-nofsinhar ta’l- America: ic-Ċile. “Minn tant postijiet fid-dinja għalfejn daqshekk il-boghod?” Din kienet il-mistoqsija li staqsewni l-familjari, sħabi Maltin u anke iċ-Ċileni stess.

Mort għal sena f’Santiago, naħdem ma’ organizazzjoni ‘Hogar de Christo’ imwaqqfa mill-Ġizwita San Alberto Hurtado, Ġizwita li ħadem ħafna mal-fqar. L-organizazzjoni għada taħdem ma kull tip ta’ faqar fiċ-Ċile kollu. Dan kien proġett tal-European Voluntary Service, programm organizzat mill-inYgo flimkien mal-Youth in Action Programme bil-fondi ta’ l-Unjoni Ewropeja. Jiena kont naħdem f’ċentru li jieħu ħsieb lil tfal zgħar ta’ familji foqra u bi problem soċjali.

Meta kont nisma’ bil-problemi li jkunu għaddew jew għaddejjin minnhom it-tfal tigi f’dubbju u tistaqsi: ‘Imma tgħid veru?”jew “Kif jista’ jkun?”, “Possibli għadhom żgħar daqshekk u diġa’ għaddew minn dan kollu?”.  Faċli tisma’ iżda diffiċli taċċetta’ r-realta’ qabel ma tara s-sitwazzjoni jew il-konsegwenzi quddiemek.

Se naqsam magħkom storja ta’ persuna li ltqajt magħha. Forsi tinstema’ ta’ l-istejjer jew tal-films... imma li hija qrib anke ta’ sitwazzjonijiet f’Malta. U minnha nixtieq li int ukoll tirrifletti ftit fuq ħajtek... u titgħallem!

Omm keċċiet lil bintha ta’ 13-il sena mid-dar wara li skopriet mingħand il-girien li bintha qegħda tmiss mad-droga. Ma riditx taf biha wara li serqitilha l-paga kollha li kienet ghadha kemm qalgħet fl-aħħar tax-xahar. Din it- tfajla spiċċat tgħix fit-triq. Il-kartun ta’ xi kaxxa tal-ħaxix kien is-sodda tagħha mifruxa f’xi triq, tipprova tistkenn mill-bard ixoqq il-għadam u xi drabi bix-xita ukoll. Is-serq sar l-passjoni għalija ħalli tkompli tixtri d-droga, u f’qalbha kienet tirringrazzja lil dawk in-nies li ramew xi biċċa ħobż jew erba’ qatriet fil-flixkun tal-luminata biex titrejjaq bihom ukoll.

Wara xi ftit xhur iltaqat ma’ ġuvni ta' 25 sena u ħasbet li sabet l-imħabba fih, peress li offrilha saqaf fuq rasha. Inqabdet tqila bla ma kienet ppreparata għat-tarbija li ġejja. Weldet b’wiċċ il-gid, iżda kien hemm effetti koroh fuq it-tarbija – b’konsegwenza tal-eta’ żgħira ta’ l-omm u d-droga. L-għarus tagħha beda jitlef il-paċenzja kemm mat-tfajla tiegħu u kemm mat-tarbija. Spiċċa jkun vjolenti bla raġuni bi kliem li jweġġa l-emozzjonijiet ta’ din it-tfajla żgħażugħa.

B’kutra mdawra ma’ bintha u bil-ħwejjeġ ta’fuqha senduqha, din l-omm zgħira ppreferiet terġa tmur tgħix fit-triq, milli toqgħod issofri hi u t-tarbija li kienet qeda iġġor. Mara kienet għaddejja fit-triq, u l-biki tat-tarbija ġibdila l-attenzjoni. Għajta ta’ġuħ, għajta ta’ bard u innoċenza: povra tarbija kemm kellha tbati. Ħarset u rat tfajla bil-ħwejjeġ maħmuġin, xagħar imqanfed, u irqieqa għewda tbennen tarbija. Hadet xokk, xokk qawwi għax kienet tixbah lil dik il-persuna li hi stess tefgħat il-barra. Iva, kienet bintha u n-neputija tagħha li qatt ma kienet rat. Ma felħitx taraha f’dak l-istat. Riedet timxi bħal li kieku ma rathiex iżda qalbha ma tathiex. Riġlejha marru ħdejha u qaltilha ‘binti ahfirli’.

Ma felħitx tnissel aktar kliem minn fommha għax għarfet bl-iżball li kienet wetqet meta tefgħatha ‘l barra min darha. Għat- tfajla ma kinitx faċli taffaċċja ’l ommha, iżda bis-sahha tat-tarbija tibki f’ħoġorha għamlet il-kuraġġ. Reġgħet marret tgħix m’ommha u flimkien fittxew l-għajnuna. Ma tantx għaddew gimgħat li ma reġgħetx sparixxiet biex tkompli tgħix ħajja li kienet tgħix qabel. Ħalliet lit-tarbija ma’ ommha u għosfrot. Tgħid l-omm għad terġa lura tfittex lil binta? Tgħid spiċċat taħt it-trab minħabba d-droga?. 

M’hix storja sabiħa imma minnha nistgħu dejjem nitgħallmu ħafna. Minn fost ħafna nislet tlett tagħlimiet:

 -          Aħseb qabel tieħu deċizjoni li tista’ġġib konsegwenzi aghar.

-          Fittex l-għajnuna jekk tkun għaddejja minn jew tara xi tip ta’ abbuż.

-          Agħmel kuraġġ u tkellem – M’intix waħdek.

Dan l-artiklu ġie miġjub fuq r-rivista Regina et Mater 2000

facebook youtube twitter flickr