Esperjenza ta Lawrenz fl-Egittu

Esperjenza ta Lawrenz fl-Egittu

Ta’ taħt fuq!

Lawrence Bellizzi, 27, mar għal esperjenza ta’ volontarjat għall-sitt xhur, l-Eġittu, flimkien ma Ruth Vella. Hu ħadem qrib ħafna mal-Ġizwiti, speċjalment ma’ Fr. Twanny Fenech sj, Ġizwita Malti. Din l-esperjenza hija parti mill-proġett tal-European Voluntary Service, proġett imtella’ minn inYgo mal-Youth in Action Programme iffinanzjat mill-Unjoni Ewropeja. Lawrence jaqsam l-esperjenza tiegħu.  

Wasalna f’Minia: belt fl-Eġittu li tinsab madwar 260 kilometru l-bogħod mill-Kajr. Joqgħodu bejn wieħed u ieħor erba’ miljun ruħ. Il-post fejn ħdimna aħna kien fiċ-ċentru ta’ Minia ftit l-bogħod minn fejn joqgħodu l-Ġiżwiti. Il-post jismu Gad El Sid u huwa ċentru fejn isir tagħlim u formazzjoni ta’ ħafna żagħżagħ kemm Nsara u kif wkoll Musulmani. Fix-Xitwa l-post jilqa’ fih tfal sa ħmistax-il sena fejn jistudjaw u jitgħallmu affarijiet ġodda. Kull nhar ta’ Ġimgħa fil-post jiltaqaw is-scouts, jikkampjaw u jagħmlu affarijiet ta’ crafts. Il-Ħadd isir l-Katekiżmu lit-tfal żgħar. Fis-sajf il-post ikun differenti: jagħmlu summer school filgħodu fejn isiru crafts, tagħlim ieħor bħal mużika, computer, qari fil-librerija, jintwerrew videos u kif wkoll l-Ingliż.Għal tmien snin telgħu Maltin  mill-inYgo biex jorganizzawha din is-summer school f’Lulju.  Fil-għaxija jilqa’ fih aktar tfal fejn jilgħabu ħafna logħob differenti fil-għaxija. Jiena tlajt biex inkun ta’ servizz kull fejn hemm bżonn imma minflok sar servizz kbir lili: din l-esperjenza qalbitli ħajti ta’ taħt fuq!

Jien nħobb ħafna l-avventura u bla dubju kont aktar ippreparat biex din l-esperjenza tkun avventura, imma l-ewwel darba li rfist l-art ta’ l-Eġittu bqajt imbellaħ bil-ħafna bżonn li għandhom dawn nies. Kienu qaluli li l-post ma tantx hu nadif imma ma stajtx nimmagina kemm u għal bidu ma stajtx nidra l-ħmieġ li hemm. Madankollu meta sirt naf lin-nies, ma tistax ma ssirx tħobbhom.  Huma nies li juru affettivita’ kbira lejn l-oħrajn u jgħixu ħafna aktar ma’ l-oħrajn u għall-oħrajn mis-soċjeta’ tagħna. Ma stajtx ma nkunx affettwat mill-ħajja sempliċi ta’ ħafna minnhom. Għal bidu kelli problema bil-lingwa imma għamilt l-almu tiegħi biex nitgħallem. Kien bis-saħħa tat-tfal li rnexxili nagħmel passi ta’ ġġant u stajt nikkomunika ħafna aħjar.

L- aktar parti importanti f’din l esperjenza kienet li bla ma ridt ntlift f’din il-ħajja, nsejt x’kelli hawn Malta u nsejt dawk l-affarijiet kollha li jien kont nħobb nagħmel. Nista’ ngħid li qisni spiċċajt wieħed minnhom u għamilt ħafna affarijiet magħhom li n-nies ma ppretendewx li jien xi darba ha nagħmel bħalhom.

Meta gejt lura Malta jien ħassejt li għandi xi ħaga nieqsa u meta dort dawra miegħi nnifsi ħassejt li ħajja aktar sempliċi forsi tkun aktar ta’ valur u wkoll aktar ta’ challenge. Ix-xogħol li għandi, il-ħajja li kelli qabel ma baqgħux important kif kienu. Issa nħoss li irrid insib aktar valur f’ħajti u dan insibu billi nara fejn nista’ nkun aktar ta’ servizz. Jekk jien ħsibt li mort l- Eġittu biex nagħti, issa naf li irċevejt aktar u għax ħallejt lili nnifsi ninfetaħ għall-oħrajn, ħajti tqalbet ta’ taħt fuq… b’mod sabiħ.

Din l-esperjenza tatni l-ħajja minn ġewwa… fejn se nispiċċa ma nafx! Qed nħares ‘l quddiem biex jien niskopri verament għal x’hiex jiena msejjaħ. Nemmen ħaġa waħda: dak li se jiġri se jkun ta’ ġid għalija u nispera… għal ħafna nies oħra!

  

Din il-publikazzjoni tirrifletti (Dan il-komunikat jirrifletti) l-opinjonijiet ta’ l-awtur biss, u l-Kummissjoni ma tistax tinżamm responsabbli għal kull tip ta’ uzu li jista’ jsir mill-informazzjoni li tinsab fiha ( fih).

facebook youtube twitter flickr