One Tequila, Two Tequila, Three Tequila…

Image from sxc.hu

One Tequila, Two Tequila, Three Tequila...

Is-silenzju ftiehem mad-dlam.  Iddeċidew li jagħmlu ħilithom biex ikissruni.  Xorta nista' nħosshom, għalkemm idejja ipparaliżżati bil-kesħa.  Nista' nħosshom deħlin ġo ħalqi biex jiffurmaw togħma qarsa.  Nista' nħosshom deħlin fil-kurituri ta' moħħi flimkien mar-riħa ta' għeluq.  Nipprova naljena rasi billi naħseb fuq xi ħaġa oħra.  Fil-pront, l-istorja ta' dik il-lejla tieħu l-ħajja.

9:30 p.m. Is-sħana ta' nofs Lulju teħel mal-ġilda tan-nies ħerqana li jagħfsu ma' xulxin fit-toroq iffullati ta' Paċeville.  Nieħu nifs twil 'il ġewwa hekk kif nidħol fir-Roadrunner Club.  M'hawnx post fejn taqa' labra.  Jekk barra forn, hawnhekk il-qalba ta' l-infern.

"Noffrilek drink, bellezza?" Raġel ikraħ dagħwa, kbir biżżejjed biex ikun missieri u b'riħa tinten ta' xi ħadd li donnu ilu ma jinħasel sentejn.  Imbuttajtu b'minkbi u intlift fil-baħar ta' żagħżagħ, kollha f'ġenn biex igawdu l-liberta' tal-vaganzi tas-sajf bix-xorb, zfin u iktar xorb.  Bdejt nittika ruħi.     

Iżda l-frustrazzjoni tas-sħana u r-rassa tan-nies jitbiddlu f'adrenalina hekk kif insib lill-sħabi mitfugħin mall-bar.  "Kemm ili ma narak qalbi!" "Dik il-libsa perfetta fuqek, minn fejn xrajtha?" "Ara xagħrek xi ġmiel Alla jbierek, dik il-cut vera xerqitlek!" U wara l-kliem bla sugu tal-bidu, tiġi l-imbierka mistoqsija.  Il-mistoqsija li ilha tberren f'moħħi minn dalgħodu.

"Illejla ħa tixroblu?"

"Dażgur li le!" Dejjem dik tkun l-ewwel reazzjoni tiegħi.  "Ma rridx nispiċċa bħas-Sibt li għadda ta'!" Pero' ilsien sħabi għandu bħal seħer fuqi.  Jgħiduli li ftit xorb darba fil-ġimgħa qatt m'għamel deni lil ħadd.  Il-kliem tagħhom iktar jibda jagħmel sens ħekk kif il-whisky u l-vodka jinżluli bħall-oħla għasel.  It-togħma tagħhom ittini ħajja ġdida.  Ninsa kull sens ta' biża', raġuni u mistħija.  Ninsa l-wegħdiet li għamilt miegħi innifsi. 

00:00 a.m.  M'għandix l-iċken idea kemm-il sħooter niżżilt.  Idejja bilkemm jifilħu jżommu t-tazza żgħira li lanqas biss naf x'fiha.  Il-mużika ddamdam saret ħoss monotonu li jtarraxni u jistordini.  Lil sħabi tlifthom u madwari ma bdejtx nara ħlief linji ta' kuluri deħlin f'xulxin.  

"Noffrilek drink, bellezza?" Dal-leħen maħnuq nafu x'imkien żgur.  Dar-raġel min hu imma? Mhux importanti, l-aqwa li qed joffrili drink ieħor b'xejn.  U nixrob bla ma nħabbel rasi xejn. 

Ir-raġel misterjuż u ġeneruż jibda jħokk miegħi.  Qed inħoss idu tmellisni.  Tmissni.  Jien inħallih - m'għandix biżżejjed saħħa biex nimbuttah jew nipprotesta.

Issa qed iġebbidni mill-libsa.  Qed jgħidli nimxi warajħ.  Nobdih.  Hekk jew b'hekk, m'għandi xejn x'nitlef.  Dan il-proxxmu ġid biss jista' jagħmilli.

03:15 a.m.  Fejn qiegħda? X'qed nagħmel? Kif spiċċajt  hawnhekk?

Għajnejja jiġru mal-kamra mudlama hekk kif il-biża' tniggeż 'il ġismi għajjien.  Irrid nitlaq niġri.  Irrid immur id-dar.  Irrid nidħol fis-sodda, mħarsa u 'l bogħod mill-ħażen tad-dinja.  Irrid ngħannaq 'l ommi u nxomm ir-riħa tal-minestra li tant tħobb issajjar, mhux din ir-riħa ta' għaraq u għeluq. Imma ma nistax.  Saqajja u idejja jiġġieldu biex jaħarbu, però marbutin b'ħabel aħrax li jħaffer il-ġilda. 

Fid-daqqa u l-ħin, figura ta‘ raġel timxi lejja.  Ħa jsalvani! F'idejh għandu xi ħaġa ippuntata, donnha sikkina, tleqq fid-dlam.  Ħa jaqta' l-ħbula li qed iżommuni mjassra!

Iżda f'ħakka t'għajn, ħajta ta' uġigħ ġriet ma' ġismi kollu.  Bil-mod il-mod, żlaqt f'abiss etern.

Jgħidu li għalxejn tinkwieta dwar il-passat.  Li hemm hemm, u ħadd ma jista' jdawwar l-arloġġ lura u jirranġa l-iżbalji.  Madankollu, jien qatt m'jien ser naħfer lili nnifsi ta' kemm kont belha.  Qatt ma nista' nieqaf nimmaġina x'kien jiġri kieku ftakart fl-importanza tal-kontroll.  Kieku... kont nieħu gost u ngawdi mingħajr rimors.  Kieku... ma kontx ngħaddi mill-konsegwenzi koroh għax waqajt fit-tentazzjoni li nilgħab man-nar u nesperimenta bl-eċċessiv.  Kieku... ma kontx nispiċċa waħdi fis-silenzju ta' dan it-tebut mudlam.   

Anna Micallef

Dan l-artiklu ġie miġjub fuq r-rivista Regina et Mater 2000

facebook youtube twitter flickr