Ho sete

Ho sete - Għandi l-Għatx

‘Ho sete': żewġ kelmiet li kont nisma' ta' spiss mit-tfal fix-xahar ta' Lulju. Illum ma nistax ma nagħlaqx għajnejja u ma narax nixxiegħa ta' tifkiriet li għaddejt minnhom tul il-ħidma volontarja tiegħi ġewwa Napli dan is-sajf. Minix persuna li niftakar ħafna, u diffiċli biex inżomm f'moħħi l-affarijiet li ġraw kuljum, għalhekk tistennewx  rendikont ta' x'kien jiġri kuljum. Jekk minn naħa l-oħra, tixtieq taqsam miegħi l-emozzjonijiet li għext tul dak ix-xahar, inħeġġek tkompli taqra b'qalb miftuħa biex tħalli l-Mulej jaħdem f'qalbek ukoll.

Bejn il-fatt li ma kinitx se tkun l-ewwel esperjenza tiegħi ta' skola sajf mat-tfal, kif ukoll minħabba l-preparamenti li kellna bħala grupp hawn Malta, kont qed inħossni lesta. Apparti l-preparazzjoni ta' attivitajiet għat-tfal, kellna wkoll live-in biex ningħaqdu bħala grupp (konna total ta' 31 żagħżugħ u żagħżugħa), kif ukoll ġurnata ta' formazzjoni spiritwali u emozzjonali.

Minix imdorrija b'ivjaġġar fit-tul u l-ħin biex wasalna rajtu eternita', imma kelli nissaporti. Mur għidli li kelli wkoll nġorr il-bagalja tiegħi tul tlajja' u triq twila bil-ħofor, imma kelli noqgħod. Sakemm fl-aħħar wasalna għand is-sorijiet u nsib li għandi taraġ biex nitla' fil-kamra! Kemm rajtu żejjed dak il-ħin, imma kemm iġib memorji ħelwin miegħu issa li ninsab lura Malta.

Kelli ġenn kbir biex niltaqa' mat-tfal, imma kelli nkun ftit paċenzjuża għax bdejna b'jumejn irtir organizzati mis-sorijiet. Inkun onesta', ma tantx kelli aptithom dak il-ħin. Imma il-Ġimgħa, meta konna waqt l-irtir, is-sorijiet tawna ħin biex nitolbu u nirriflettu. Jiena mort fil-kappella biex nitlob. Kont qiegħda lejn in-nofs tal-kappella u fuq quddiem kien hemm soru mill-Eġittu. F'ħin minnhom daħal raġel xwejjaħ, bilkemm jiflaħ jimxi kieku mhux għall-għajnuna tal-bastun. Qabad jgħajjat f'nofs il-knisja li kienet l-ewwel ġimgħa tax-xahar u li għandna mmorru l-quddiesa. Jiena stennejt li Sr. Lucille ħa ssikktu imma xejn minn dan. Qagħdet tisimgħu bil-kwiet u baqgħet tħares lejh b'imħabba sakemm reġa' ħareġ. Ir-reazzjoni mhux mistennija tagħha ġegħlitni nirrifletti u nintebaħ li rrid nara lil Kristu f'kulħadd. Irrelevanti mill-età, n-nazzjon, l-istatura, ir-reliġjon, is-sess, Alla jgħammar f'dik il-persuna u l-missjoni tiegħi hi li nħalli lil Alla jużani biex inħobb.

Ikolli nistqarr magħkom li minħabba s-suppervja tiegħi, dan mhux dejjem wasalt għalih. Iżda kull darba li ppruvajt nieħu r-riedni f'idejja, ħassejt vojt kbir ġo fija! Kienet u għadha l-ġlieda tiegħi biex ninża l-kburija u naċċeta li nintelaq f'idejn Alla biex jużani u jiffurmani skond ir-rieda tiegħU. Dawn l-ewwel jumejn kienu l-mument li fih il-Mulej tani l-enerġija għal xahar sħiħ; jumejn li fihom għaraft iktar lili nnifsi.

Ta' kuljum għadni naħseb fit-tfal li ltqajt magħhom tul dak ix-xahar. L-esperjenzi li għaddejt minnhom diffiċli ninsihom. Id-daħka ħelwa għal xi ċajta jew kummiedja; l-istagħġib tagħhom għat-Taljan diżastruż tiegħi; il-ġenn li jaqbadni meta tgħosfor tifla; il-ħeġġa tagħhom biex jiżfnu u l-entużjażmu għall-kameras. L-ikel li kienu jieħdu d-dar biex jagħtuh lil tal-familja, l-istorbju u d-diżordni, il-biki, id-daħk u l-ġiri. Il-quddiesa kollha ġenn; l-għajnuna li joffru lill-oħrajn u s-suppervja tagħhom meta ma jkunu jridu jagħmlu xejn. Spiss ninkwieta għax ma nafx x'ser isir minnhom, imma mbagħad niftakar li Alla għandu pjan għal kull wieħed u waħda minn dawn it-tfal u għalhekk nafda fiH li qed jieħu ħsiebhom.

Filwaqt li ħajjithom tkompli ġewwa Napli, tiegħi tkompli ġewwa Malta. Ta' kuljum nipprova nwieġeb is-sejħa li l-Mulej jagħmilli biex inkun persuna iktar umli filwaqt li nħalliH jużani biex inwassal l-imħabba tiegħU. Issa li ninsab Malta, ix-xewqa tiegħi hi waħda: li nirrispondi għall-għajta tieghU minn fuq is-salib "Għandi l-għatx" jew aħjar "Ho sete"!

Maria Mifsud

Dan l-artiklu ġie miġjub fuq r-rivista Regina et Mater 2000

 

 

 

facebook youtube twitter flickr