Bella Venezja…

Image from sxc.hu

Bella Venezja…

 Venezja f’nofs Awwissu! X’jiġikom f’moħħkom?... mhux xi btala mill-isbaħ? Tqarrsux wiċċkom wisq jekk ngħidilkom – fidi u politika!

Bir-raġun tgħidu li dan xi wieħed fanatiku per eċċellenza biex ma jsibx xejn aħjar x’jagħmel f’Venezja fl-eqqel tal-istaġun turistiku. Però mhux ta’ l-istess fehma t-tletin ruħ – Maltin, Taljani, Irlandiżi, Svizzeri, Franċiżi, Ġermaniżi, Ingliż u Indjan – li ħadu sehem f’seminar fuq il-fidi u l-politika li jsir kull sentejn f’dar tal-Ġiżwiti.  (naħseb li m’hemm xejn ħażin billi nispeċifikaw). Imma għala Venezja?

 

Venezja hi belt ideali minħabba l-istorja tagħha bħala pont bejn l-Ewropa tal-Punent u tal-Lvant. Kien ukoll hawnhekk li S. Injazju u l-ewwel kumpanni ddeċidew li jibdew isejħu lilhom nfushom is-‘Soċjetà ta’ Ġesù’. Barra minn hekk, realtà li tixorbok minnufih mingħajr ma tintebaħ hi propju n-nuqqas tal-karozzi u tal-ħsejjes u d-dħaħen tagħhom li tant drajnihom li anqas biss nagħtu kas.

 

Il-varjetà ma kinetx biss waħda ta’ nazzjonalitajiet, iżda wkoll ta’ opinjonijiet u perspettivi differenti li tefgħu dawl ġdid fuq kif wieħed iħares lejn il-fidi u l-politika. F’diversi mumenti qsamna l-ikel u l-ħelu tradizzjonali ta’ xulxin. Tul il-ġimgħa li għamilna hemm, jien u l-ħames Maltin l-oħra kellna programm mimli daqs bajda: bejn  taħdidiet u diskussjonijiet, waqtiet ta’ riflessjoni u ta’  qsim ta’ esperjenzi, mumenti kulturali u oħrajn  ta’ mistrieħ.

 

 Il-kelliema kienu prinċipalment ħames Ġiżwiti, ilkoll minn pajjiżi differenti, li tawna l-isfond filosofiku u storiko-kulturali u ħarsa ġenerali lejn it-Tagħlim Soċjali tal-Knisja li huwa għodda tajba mill-missjoni ewlenija tan-nisrani: is-servizz mal-proxxmu. Anke jekk dan kollu flimkien mal-preżentazzjonijiet dwar l-istorja politika ta’ kull pajjiż kienu ferm informattivi, żgur li l-aktar ħaġa li  ħalliet effett fuqna kienet l-esperjenza tal-kelliema mistiedna.

 

Kellna lil Jérôme Vignon, ex-Direttur Ġenerali tal-Kummissjoni Ewropea, li tkellem dwar kif il-fidi u l-prinċipji nsara kienu l-mutur li ħafna drabi wasslu biex jieħu pożizzjoni favur il-batut u l- imwarrab, anke jekk dan ifisser li jmur kontra t-twemmin tal-maġġoranza u jissarraf f’solitudni kbira. It-tieni mistiedna kienet Anna Staropoli li tkellmet fuq il-ħidma tagħha fil-bini u l-iżvilupp ta’ komunità mifnija mill-Mafia ġewwa Palermo, il-belt li hi stess toqgħod fiha. Ta’ min jgħid li dawn in-nies mhux biss kienu ġenerużi fil-kontribut tagħhom imma wkoll fil-ħin li offrew biex kull min ried saqsihom l-mistoqsijiet.

 

Xorti kbira oħra kienet propju l-preżenza tal-ex-President tal-Parlament Ewropew, Pat Cox. Il-kontribuzzjoni tiegħu kienet ibbażata fuq mument delikat fil-karriera tiegħu, ċjoé meta l-Partit tal-Ħelsien Awstrijak, partit b’ideat xenofobiċi u razzisti, ġie elett biex jagħmel parti mill-gvern ta’ wieħed mill-Istati Membri. Eventwalment, kien il-bilanċ bejn il-fidi u l-politika li għenu biex jasal għall-aħjar deċiżjoni. Il-punti ta’ riflessjoni tiegħu, flimkien ma’ dawk tal-kelliema l-oħra, kienu żgur ta’ min jixtarrhom u jibqa’ jġorrhom miegħu għal ħajtu.

 

Inutli ngħid li din l-esperjenza kienet waħda unika – mhux biss weġbitli ħafna mistoqsijiet u għenitni  nifhem aħjar ir-relazzjoni bejn il-fidi u l-politika, imma fetħitli għajnejja beraħ għar-rigal kbir tal-ħajja. L-istess bħalma Venezja kienet belt tbaqbaq bl-attività merkantili fir-Rinaxximent b’għexieren ta’ mijiet ta’ bastimenti ġejjin u sejrin, hekk jien mort Venezja u permezz tat-tagħlim, tar-riflessjoni u tal-ħafna esperjenzi li qsamt u rċevejt, stajt insalpa lura Malta mimli b’xewqa kbira li noffri dinja aħjar lil ta’ madwari. 

Isaac J. Gatt

Dan l-artiklu ġie miġjub fuq r-rivista Regina et Mater 2000 .

 

 

facebook youtube twitter flickr