Il-Quddies għalina ż-żagħżagħ!

Image from jesuit.org.mt

Il-Quddies għalina ż-żagħżagħ!

Aħna ż-żgħażagħ ilkoll fan ta' xi attur, kantanta, atleta jew ċelebritajiet oħrajn li nammiraw.  Issib min isegwi lill-idolu tiegħu permezz tal-medja; oħrajn li forsi jdendlu xi poster tal-kantant favorit tagħhom.  Ħafna tkun il-ħolma tagħhom li jkollhom l-opportunita' unika li jiltaqgħu maċ-ċelebrita' favorita tagħhom.  Ġesu' Kristu jibqa' l-ikbar ċelebrita', u kuntrarju għall-idea li hawn, għadu jattira ħafna żgħażagħ biex  jimxu warajh.  B'differenza miċ-ċelebritajiet tad-dinja iżda, il-laqgħa ma Kristu mhijiex ħolma impossibli.  Għaż-żagħzugħ li jfittex lil Kristu, il-quddiesa toffri opportunita' biex din il-laqgħa ssir reali.

Aspett li ħafna żgħażagħ infittxu fil-quddiesa huwa l-laqgħa personali ma' Kristu. Il-Quddiesa hija l-ħin fejn wieħed jista' jikxef ruħu quddiem il-Mulej, u jiftaħ qalbu dwar dak kollu li jkun għaddej minnu f'ħajtu. Xi kultant anke dawk l-affarijiet li nsibu diffiċli biex naqsmu ma' ħaddieħor: il-ferħ, l-istress, id-dwejjaq, l-istudju, ir-rabja, is-solitudni, ringrazzjament, u lista twila li tibqa' għaddejja.  Huwa l-mument fejn naffaċċjaw lil Alla bil-burdati tagħna kollha.  Huwa ukoll il-mument fejn ħafna drabi infittxu lil Alla biex ikellimna, fil-messaġġ tal-Kelma tiegħU u quddiem il-preżenza tal-ispeċi Ewkaristika.

Imma l-quddiesa mhux biss mument ta' persuna individwali - il-quddiesa hija bħal ikla tal-ħbieb, ċelebrazzjoni, ‘party'. U dan nduquh meta l-quddiesa tkun ippreparata sew. Kemm minna ż-żgħażagħ nagħtu mill-ħin tagħna u nużaw it-talenti tagħna biex nanimaw il-quddies permezz tad-daqq, kant u tifħir ieħor!  Dan biex iċ-ċelebrazzjoni tal-Ewkaristija tkun waħda ħajja u allegruża, bi spirtu żagħżugħ għall-spirti żaġħżugħa.

Il-quddies mhijiex sempliċiment avventiment li wieħed jattendi darba l-jum tal-Ħadd.  Għal dawk iż-żgħażagħ li jagħżlu li jgħixu l-valuri nsara, il-quddies issir parti mill-ħajja tagħhom ta' kuljum, li jaqsmuha mal-familja u ma' sħabhom.  Il-ħin tal-quddiesa jservi biex taqsam il-fidi tiegħek u titlob flimkien mal-membri tal-familja u mal-ħbieb, f'mumenti ta' ġabra li mhux dejjem kapaċi nsibu matul l-għaġġla tal-jum.  Dawn isiru mumenti speċjali għalina, fejn mhux biss nissaħħu aħna fl-ispiritwalita' tagħna imma nsaħħu lil xulxin ukoll. Għal min verament huwa bil-għatx għall-Kristu, il-quddies issir stil ta' ħajja li jagħżel biex jgħixxha mhux biss waqt li tiġi ċċelebrata iżda ‘l hinn minn hekk u ukoll fil-ħajja ta' kuljum.

 

L-istedina tagħna lilek, żagħżugħ u żagħżugħa, hija li ma tħallix li l-quddiesa issir sempliċiment drawwa li wieħed jirrispetta. Fittex quddiesa li tagħmel sens għalik u għal dak li qed tfittex f'ħajtek!

Din hija l-esperjenza ta' Jessica Gauci li tipparteċipa u tanima l-Quddiesa taż-żgħażagħ (minn 16 sa 25-il sena) f'Sarria, il-Furjana kull nhar ta' Sibt fis-19.15pm. 

Dan l-artiklu ġie miġjub fuq r-rivista Flimkien.

 

 

facebook youtube twitter flickr