Bands: Footprints

Image from www.footprints4christ.com

1.            Għalfejn 'Footprints?' Min intom?

 

Footprints hi band b'ispirazzjoni nisranija, magħmula minn membri żgħażagħ li jixtiequ jwasslu l-messaġġ nisrani permezz tal-mużika kontemporanja.  Il-band bdiet fis-sena 2000, iddoqq f'quddies u laqgħat taż-żgħażagħ f'diversi f'Malta.  L-isem ‘Footprints' ispirat mill-istorja famuża ‘Footprints in the Sand' li titkellem dwar persuna li tkun qed timxi fuq ir-ramel flimkien ma' Ġesù u meta jiġu l-mumenti diffiċli tal-ħajja, tinduna li fir-ramel hemm biss il-passi ta' persuna waħda.  Dawn huma il-passi ta' Ġesù li jerfgħana fil-mumenti diffiċli tal-ħajja. Il-band kitbet diska bl-isem ta' Footprints in the Sand li qiegħda fl-album il-ġdid 777.

 

2.            X'inhu li jimmotivakom tiktbu, tikkomponu u ddoqqu?

Bħala band li induru ħafna postijiet meta mmorru indoqqu, għamilna ħafna ħbieb permezz tal-mużika tagħna.  Huma dawn l-esperjenzi li jkomplu jinkuraġġuna inwasslu il-messaġġ ta' Kristu. Permezz tal-kanzunetti nippruvaw ngħaddu messaġġ reliġjuz u/jew soċjali, imma dejjem pożittiv, lin-nies ta' madwarna. L-kanzunetta Red Lines titkellem dwar id-diversi inġustizzji bħal gwerer, abort, razziżmu u vjolenza.  Il-kanzunetta Gift of Life li kienet ukoll akkumpanjata b'video mużikali li ħareġ f'Diċembru 2008, titkellem dwar storja ta' tfajla li tgħaddi minn esperjenza kerha fejn trid tiddeċiedi jekk twettaqx abort jew le. L-aħħar single li ħriġna din il-ġimgħa hi l-kanzunetta The Long-Lined Road li titkellem dwar dinja ideali fejn l-inġustizzji u t-tbatija ma jeżistux, utopija fejn il-bniedem ikun jista' jgħix ħajtu bid-dinjità kollha li tixraqlu. Il-kanzunetta tippreżenta djalogu bejn missier u iben; bejn min għandu l-esperjenza tal-ħajja u min għadu innoċenti, biex flimkien jitgħallmu kif jaffacjaw il-problemi tal-ħajja u joħolmu fl-ideal ta' ‘ġenna fl-art'.

 

3.            X'messaġġ/i tixtiequ tgħaddu liż-żgħażagħ permezz tal-aħħar album?

 

L-album il-ġdid bl-isem ta '777' jiġbor fih kanzunetti oriġinali tal-band li nkitbu f'dawn l-aħħar snin u ndaqqew ta' sikwit fil-postijiet kollha fejn konna mistednin indoqqu. It-tema prinċipali hija l-imħabba infinita li Alla għandu għalina u kif aħna se nwieġbu għaliha. Is-CD 777 hija l-frott tal-mixja spiritwali tal-band tul dawn l-aħħar għaxar snin.

 

4.            Taħseb li kien ikun aktar faċli għalikom biex tistabilixxu rwieħkom fix-xena mużikali kieku kontu rock band ta' xorta oħra, mhux speċifikament Christian rock band? Hemm xi sfidi li tħabbtu wiċċkom magħhom?


Aħna għażilna li nkunu Christian rock band għax nemmnu fil-messaġġ nisrani ta' Kristu u tal-Knisja u għalhekk nixtiequ nuzaw it-talenti mużikali tagħna biex inwasslu dan il-messaġġ. Naħseb li hu aktar diffiċli li tkun Christian rock band milli rock band normali, minħabba li ħafna nies jassoċċjaw l-istil Christian rock ma' mużika ‘sempliċi' jew ‘mingħajr teknika'. Bħala Footprints dejjem għamilna l-aħjar li stajna biex intejbu l-mużika tagħna biex b'hekk tiġi apprezzata kemm minn dawk li jemmnu fil-messaġġ nisrani u kemm minn oħrajn li aktar tinteressahom il-mużika rock.  B'hekk il-messaġġ pożittiv jista' jasal għand ħafna aktar nies.

 

Għal aktar informazzjoni dwar il-band Footprints, żuru s-sit elettroniku: www.footprints4christ.com

Dan l-artiklu ġie miġjub fuq r-rivista Flimkien.

 

 

facebook youtube twitter flickr