'You're Damn Right Father!' - Mario Jaccarini SJ

"YOU'RE DAMN RIGHT, FATHER!" - Is-Saċerdozju Tiegħi

Nixtieq nagħti ħarsa lura lejn il-ħajja twila tiegħi bħala saċerdot. Jien kont ordnat saċerdot fl-1957 mill-Arċisqof Edward Hunckeler ta' Kansas City, Kansas, U.S.A., fejn studjajt it-Teoloġija. Inħobb naħseb li l-Mulej tani tant snin fis-saċerdozju (kif taraw iżjed minn 50 sena) għax ma għamiltx biżżejjed u għalhekk tawwalli ż-żmien ħalli jagħtini ċans inpatti.

Naturalment l-iżjed li għadhom impressjonati fuq il-memorja tiegħi huma l-ewwel esperjenzi ta' saċerdot Ġiżwita. Dak iż-żmien aħna l-Ġiżwiti konna nordnaw fit-tielet sena tat-Teoloġija u għalhekk waqt ir-raba' sena barra mill-istudju kellna żmien għal xi appostolat. Tiġi quddiem għajnejja l-ewwel darba li mort nisma' l-qrar. Kont imwerwer li ma jiġinix xi wieħed minn dawk il-każijiet diffiċli li kienu jqegħdulna quddiemna l-professuri tat-Teoloġija morali. Sa daħħalt miegħi xi noti fil-konfessjonarju għalli jista' jkun! Imma l-biża' tiegħi kienet għalxejn, niżżiħajr 'l Alla. Bqajt mistagħġeb, anzi, bit-tjubija tan-nies. U din kienet esperjenza li baqgħet miegħi s'issa: kif fil-qrar skoprejt mhux biss il-ħażen imma wkoll kemm hawn nies tajba, ħafna drabi bil-bosta aħjar minni! Inħossni umiljat li nies aħjar minni jiġu għarkopptejhom quddiemi biex jistqarru dnubiethom. Għax jemmnu li mhux lili imma lil Alla qed jistqarru dnubiethom. Nikkonferma dak li qal darba il-Kardinal Ersilio Tonini fuq ir-RAI TV, li fil-konfessjonarju nisimgħu iżjed dulur milli dnubiet. Fost l-aqwa konsolazzjonijiet tas-saċerdozju żġur hemm l-esperjenza ta' dan is-sagrament tal-konsolazzjoni tal-erwieħ kif isejjaħlu missierna S. Injazju Loyola. Hawn u fuq l-artal ta' spiss inħoss il-paternità spiritwali tiegħi.

Il-qrar għalija huwa magħqud mal-quddies f'dan is-sens: dak li nisma' fil-konfessjonarju jqegħdli fi ħsiebi u f'qalbi nies għal min nitlob fil-quddiesa u materjal fuqhiex nitlob u ninterċedi. Bħal kull saċerdot ngħożż il-quddiesa bħala l-iktar ħaġa għażiża għalija. Meta dħalt novizz Ġiżwita ta' 17-il sena, bqajt impressjonat ħafna bil-mod kif kien jiċċelebra l-quddiesa il-Patri Majjistru tagħna n-Novizzi, P. Ġużi Galea S.J. Mhux biss kien devot, imma kif qal wieħed minn sħabi novizzi, qisu jtellgħek miegħu fuq l-artal. Kien dejjem il-mod tiegħu l-ideal kif għandi niċċelebra l-Quddiesa. Mhux qed ngħid li rnexxieli. Imbagħad mal-Quddiesa hemm l-omelija li dejjem sibtha diffiċli. Hawn niftakar inċident tad-daħk. Kont qed nipprietka fil-Quddiesa ta' nofs il-lejl fil-Milied, f'Burlington, belt żgħira ġewwa Kansas. Kien hemm wieħed li mid-dehra xorob xi ftit qabel ma ġie l-knisja. Dar-raġel f'nofs il-prietka beda jgħajjat, "You're damn right, Father!" Miskin qabdu u ħaduh 'il-barra. Snin wara meta kont insib xi prietka xi ftit diffiċli, kont ngħid lili nnifsi, "Għalhekk lil dak il-povru raġel xeħtuh 'il-barra. Għax qabel mal-prietka tiegħi!"

Din tal-prietki kienet għalija wieħed mis-slaleb tal-ħajja saċerdotali tiegħi. Ġieli tajtha forsi iżjed importanza milli ħaqqha għax ġie li waqqgħetni f'ċertu qtigħ ta' qalb u ħassejt il-ministeru tiegħi bħala sterili. Anzi dan is-sentiment infirex ukoll fuq ħajti kollha u bdejt inħoss iċ-ċelibat bħala sterilità. Għamilt tiegħi il-kliem tal-poeta Ġiżwita Ingliż, Gerard Manley Hopkins, "l-għasafar jibnu - imma jien le nibni... ma nissiltx ħaġa waħda li tgħix..."

Imma kliem San Pawl (2 Korintin 12, 10), "Meta nkun dgħajjef, inkun qawwi" u kliem ieħor bħalu mill-Kelma ta' Alla baqa' dejjem jagħtini kuraġġ. Sibt ukoll li d-devozzjoni lill-Ispirtu s-Santu hija essenzjali għal saċerdot. Minn dejjem kont inħobb lill-Ispirtu Qaddis u forsi għalhekk mill-ewwel għoġobni l-Moviment Kariżmatiku li fih ili kważi mill-bidu li beda Malta. Nitolbu dejjem, l-iżjed nhar ta' Ħadd għalija u għas-saċerdoti u għan-nies li jkunu ser jieħdu sehem fil-quddies tagħhom.

Skoprejt ukoll il-ġmiel tas-sagrament tad-dlik tal-morda. Jien stess ġieli ħadtu qabel xi operazzjoni, imma ġieli tajtu wkoll. Ħasra li għad hawn nies li jaħsbu li dan huwa sagrament tal-aħħar u fil-fatt iħalluh għall-aħħar. Huwa sagrament li jagħti kuraġġ barra l-maħfra tad-dnubiet. Darba, meta kont għadni ftit li qaddist kont f'raħal żgħir fejn dlikt u qarbint lil wieħed qed imut u qal kliem li qatt ma nsejtu, "It's a tough Church to live in, but it's a good Church to die in." (Il-Knisja hi iebsa biex tgħix fiha, imma kemm hi ħelwa biex tmut fiha). Dar-raġel mid-dehra sab il-ħajja Nisranija diffiċli imma kien ikkunslat li qed imut bil-għajnuna tas-sagramenti li Ġesù ħalla f'idejn il-Knisja tiegħu. U niftakar ukoll fi sptar ġo Liverpool, l-Ingilterra, tajt l-aħħar sagramenti lil wieħed "ex-commander" tan-Navy. Meta lestejt qalli b'imħabba kbira lissen, "The old Church is always there" kliem diffiċli taqilbu għal-Malti imma li jfisser "L-għażiża Knisja dejjem issibha."

Dawn ftit minn dak li niftakar. U hemm ħafna li m'għandix spazju għalih u forsi ħafna iżjed li nsejtu. Kultant inkun qed inqalleb xi noti jew nara xi ritratti qodma u niftakar dak li kont għamilt: irtiri li tajt jew xi eżerċizzi jew xi xogħol ieħor li għamilt. Il-biċċa l-kbira ta' ħajti saċerdotali għaddejtha maż-żgħażagħ jew ngħallem jew kappillan tal-istudenti, jew mal-grupppi Kariżmatiċi taż-żgħażagħ. Ma kontx xi wieħed minn dawk magħrufin li jiġbdu ż-żgħażagħ u jżommuhom imsaħħrin imma l-istess ħabbejthom u għenthom kemm stajt u għadni ngħinhom. Ħafna minnhom insejt wiċċhom u ma nagħrafhomx meta xi kultant niltaqa' ma' xi ħadd minnhom, imma kollha għadni niftakar fihom fit-talb tiegħi u fil-quddies.

F'ħajti ppruvajt ma nħallix l-ispiritwalità tneħħili l-umanità tiegħi. Xi ħadd qal, "Ħafif tkun qaddis, jekk m'għandekx ħajra tkun uman." Faċli tkun "taparsi" qaddis kien imissu qal. U għalhekk dejjem ippruvajt nibqa' konxu tad-dgħufija tiegħi u għożżejt il-kliem li ġa semmejt ta' San Pawl, "Meta jien dgħajjef, jiena qawwi," għax ikolli l-qawwa ta' Alla.

Issa meta nħares lura, inħossni dejjem iżjed grat lejn il-Mulej u spiss ngħidlu, "Grazzi Mulej talli l-aħjar imbid ħallejtuli għall-aħħar." Saqajja m'għadhomx jifilħu wisq u biex nagħmel kuraġġ spiss inlissen il-kliem ta' innu tal-Knisja, li jgħidu lil Ġesù "Quaerens me sedisti lassus" li nistgħu nittraduċuh, "Waqt li kont qed tfittixni, qadt bil-qegħda għajjien." Nixtieq għadni nista' nagħmel passiġġati twal fil-kampanja. Sa ftit snin ilu kont nimxi anki għall-mistrieħ. Waqt il-mixjiet ġie li kont nieqaf nitkellem ma' xi bidwi u anki jekk liebes qisni l-ħajbu għall-ġol kampanja, kienu dejjem jindunaw li jien saċerdot. Ġieli x'uħud qaluli, "Int qassis? Ħa nqerr mela!" Kif jista' jixhed kull saċerdot is-sagrament tal-qrar ma tafx fejn jitolbuhulek: fuq vapur, f'karozza tal-linja, fit-triq u f'postijiet l-iżjed mhux mistennija qisek qiegħed xi diskursata imma tkun tqarar.

Meta nirringrazzja lil Alla, nirringrazzjah wkoll għal tant nies, bħal missieri, ommi, is-sitt ħuti wieħed minnhom bħali u lil ħuti Ġiżwiti li kollha għenuni. Nirringrazzjah ukoll għal tant ħbieb li għamilt matul is-snin tas-saċerdozju tiegħi. Imma wkoll niftakar f'dawk li Alla għen per mezz tiegħi. Saċerdot huwa saċerdot għall-oħrajn u ma jistax igħix mingħajr komunità.

Inħares lura u ngħid, "Għal dejjem il-ħniena tal-Mulej irrid ngħanni!"

Mario Jaccarini S.J. 


NOTA: Il-Mulej sejjaħ għal għandu lil Fr Mario Jaccarini fis-16 ta' Frar 2011.

facebook youtube twitter flickr