Esperjenza tas-Saċerdozju – Alfred Darmanin sj

"ISSA NISTA' MMUT FERĦANA..." - Mara lebbruża wara li rċeviet il-magħmudija

Fr Alfred Darmanin, Ġiżwita, ex-għalliem tal-psikoloġija, jirrakkonta ftit mill-esperjenzi tiegħu bħala saċerdot.


Is-saċerdozju tiegħi ħadni f'pajjiżi bħar-Russja, iċ-Ċile, il-Libanu, l-Alġerija, l-Istati Uniti, il-kontinenti tal-Afrika u tal-Ewropa, u b'mod speċjali l-Art Imqaddsa. Iżda l-aktar pajjiż li laqatni u offrieli esperjenzi profondi tas-saċerdozju tiegħi jibqa' l-Indja fejn għaddejt sena ngħix esperjenzi li ma ninsihom qatt.

Minn meta kont novizz kont xtaqt u tlabt biex immur missjunarju l-Indja. Iżda s-superjuri tiegħi dehrilhom mod ieħor. Għalhekk tlabthom biex għallinqas it-tielet sena tal-probazzjoni, li kull Ġiżwita jagħmel wara l-ordinazzjoni, nagħmilha l-Indja. Matul dik is-sena għamilt ix-xahar sħiħ tal-Eżerċizzi Spiritwali ta' Sant'Injazju biex niġġedded u nissoda fil-ħajja tiegħi fl-Ispirtu. Matul dak ix-xahar is-saċerdozju tiegħi eżerċitajtu l-iżjed bil-quddiesa konċelebrata ta' kuljum ma' xi erbgħin Ġiżwita ieħor li kienu wkoll qed jagħmlu l-istess tielet sena tal-probazzjoni. Wara dan l-irtir fil-kontemplazzjoni ħassejtni ħafna qrib il-Mulej u esperjenzjajt is-saċerdozju fl-intimità mal-persuna ta' Kristu. 

Iżda il-Ġiżwita mhux għall-ħajja monastika msejjaħ. U fil-fatt għalija dik is-sena kienet żmien kemm ta' tiġdid spiritwali u kemm ta' ħidma appostolika. U għalhekk fittixt li f'dak il-perjodu nimpenja ruħi naħdem u ngħix mal-fqar, li jkolli esperjenzi biex nitgħallem xi jfisser tkun materjalment fqir.

L-aktar esperjenza li laqtitni kienet meta kont immur mal-lebbrużi. Kont immur ma' wieħed leġjunarju Indjan f'dik li jsejħulha "il-kolonja tal-lebbrużi". Ftit nies jersqu 'l hemm. Konna mmorru narawhom fl-għerejjex fejn joqogħdu, f'post daqs kamra tal-banju. Fiha toqgħod il-familja kollha ta' xi sitta, bit-trabi u forsi xi tiġieġa jew nagħġa magħhom. 

Darba minnhom f'wieħed minn dawn l-għerejjex stess għammidt tnejn kbar u amministrajtilhom is-sagrament taż-żwieġ b'quddies fil-post stess. Il-mara kienet tgħid "żewġ affarijiet nixtieq f'ħajti li jagħmluni kuntenta, il-magħmudija u l-qrar". Wara li spiċċajna ċ-ċerimonja ma nafx kemm damet tirringrazzjani u qaltli, "issa nista' mmut u mmut ferħana". Kemm esperjenzjajt dakinhar il-qawwa u s-sbuħija tas-saċerdozju!

Waqt li kont l-Indja għaddejt ġimagħtejn naħdem f'waħda mid-djar ta' Mother Teresa. Fiha kienu jinsabu mat-tmenin tifel u tifla, l-biċċa l-kbira abbandunati mill-ġenituri tagħhom. Dawn imsieken jiġbruhom f'did-dar jew għax kienu qed imutu bil-ġuħ jew għax għandhom xi diżabilità fiżika jew mentali. Darba minnhom niftakar wieħed mit-tfal kien mejjet bil-ġuħ jistenna l-ikel. Xħin ġabulu ċ-"ċapati" (bħal biċċa ftira rqiqa), dar lejja u ried jagħtiha lili.  Qabiżli d-dmugħ nara daqsxejn ta' tifel imġewwaħ l-ewwel ma jaħseb f'ħaddiehor.  Kif nista' ma nħossx il-preżenza ta' Kristu f'dak it-tifel u li nirringrazzja 'l Alla li bħala saċerdot laqqagħni ma' dak it-tifel ġeneruż.

Għaddejt xi żmien ukoll f'post għat-tfal għomja li kien jieħu ħsiebu wieħed Ġiżwita Indjan ħabib tiegħi. Dawn it-tfal huma kważi kollha għomja minħabba l-faqar. Xi wħud, meta kienu iżgħar, kellhom bżonn ta' operazzjoni f'għajnejhom, iżda l-ġenituri ma kellhomx flus biżżejjed. Oħrajn twieldu għomja għax ommhom kienet nieqsa wisq mis-sustanzi neċessarji matul it-tqala. Madankollu dawn it-tfal dehru kuntenti fil-ħajja. Dan ħassejtu waqt li qed inqaddsilhom, il-mod entużjasta kif jaqraw il-lezzjonijiet bil-"Braille" u kif ikantaw jgħajtu u ferħanin. Bħala saċerdot ma stajtx ma nirrealizzax kemm il-ħajja hi aktar importanti mid-dawl tal-għajnejn. U kemm għandi nwassal dal-messaġġ ottimista u ta' tama lil tant nies fil-ħidma pastorali tiegħi.

Dawn l-esperjenzi li semmejt ma jfissirx li kelli bżonn immur lil hinn mix-xtut Maltin biex inħoss kemm għamel miegħi u permezz tiegħi il-Mulej. F'Malta wkoll offrieli okkażjonijiet biex nesperjenzja kemm il-Mulej jidħol fil-qlub tal-bnedmin permezz tas-saċerdozju tiegħi. Ħa nsemmi biss eżempju wieħed li jinstema' ordinarju u xejn drammatiku. 

Ftit wara l-ordinazzjoni tiegħi kont għamilt żmien inqaddes il-Polytechnic. Kont dejjem nipprepara l-quddiesa biex tkun interessanti, attraenti u kreattiva. Iżda darba minnhom ma kellix ċans nippreparaha u allura qaddist quddiesa ordinarja u sempliċi ħafna. Ħassejt ċertu sens ta' ħtija u bżajt li din setgħet tgerrex lill-istudenti. Meta wara l-quddiesa dħalt fis-sagristija ġiet studenta bid-dmugħ f'għajnejha tistqarrli, "Father, illum l-ewwel darba f'hajti li verament għext fil-fond kemm tfisser għalija l-Ewkaristija"! Bqajt imbellah. Il-lezzjoni ħadtha. Li jgħodd mhux il-ħila tiegħi biex il-quddiesa tkun animata u li tingħoġob imma kif bħala qassis inkun strument biex fil-quddiesa il-fidili jħossuhom qrib aktar t'Alla u ta' ħuthom il-bnedmin. U f'dan is-sens li fl-Ewkaristija toħroġ per eccellenza l-qawwa u s-sbuħija tas-saċerdozju tiegħi.

Grazzi Mulej li sejjaħtli nkun saċerdot tiegħek. Għinni biex inkompli nħoss dak il-ferħ spiritwali li ġġib magħha din il-vokazzjoni. U għallimni naqsam din il-grazzja mal-oħrajn.

Alfred Darmanin SJ 

facebook youtube twitter flickr