Pont Bejn Alla u l-Bniedem - Harry Formosa SJ

PONT BEJN ALLA U L-BNIEDEM

Ċiniza fit-tren
 

Ftit wara li ordnajt saċerdot f'Chicago fl-1967 mort xahrejn Los Angeles biex ngħin f'parroċċa. Jien u ġej lura ħadt it-tren biex inkun nista' ngawdi x-xeni sbieħ tal-ibliet u l-kampanja, l-iktar il-Great Canyons. Il-vjaġġ kien twil  49 siegħa.

Niftakar li fis-seat ta' ħdejja kien hemm tfajla Ċiniza. Ippruvajt naqbad konverżazzjoni magħha. Imma rajt li bdiet tevitani. Qamet u telgħet fid-deck ta' fuq li kien hemm biex wieħed joqgħod għall-apert. Meta jien xtaqt nitla' fuq (għax fi vjaġġ twil trid tiċċaqlaq kultant) innutajt li hi niżlet 'l isfel, u hekk bqajna sejrin kważi ghal jumejn sħaħ. Fl-aħħar inzertajna bilqiegħda ħdejn xulxin u introduċejt ruħi bħala qassis Kattolku. Stqarret li hi kienet studenta atea u kienet tibża' ħafna mill-qassisin għax qabel kellha esperjenza kerha minn wieħed minnhom.

Tgħidx kemm iddispjaċini u wrejtha li fhimtha u li kellha raġun taħrab minni. Sfortunatament kien għad baqa' biss ftit ħin biex naslu Chicago. Għedtilha biex jekk xi darba tħoss il-bżonn ta' xi ħadd aqwa minnha ddur lejh u tgħidlu, ‘Jekk int tassew teżisti, għinni.'  Min jaf x'sar minnha; għadni niftakarha sal-lum b'simpatija kbira.

L-Ewkaristija tqarreb il-ġirien

Meta ġejt lura Chicago kien għad baqagħli sena studju quddiemi. It-tieni nofs għaddejtu f'parroċċa f'Maywood, subborg ta' Chicago. Kienet esperjenza qawwija ħafna u tgħallimt ħafna mill-kappillan, Mons. William Quinn. Inkuraġġieni biex inqaddes għand il-familji biex inqarreb lejn xulxin in-nies li, għalkem bosta drabi jkunu ġirien, ma kinux jafu lil xulxin.

Waħda minn dawn il-quddisiet kienet għand Harold, anzjan fil-wheelchair, li ibnu kien miet ftit qabel u kien għadu jibkih. Iltqajna l-ġirien tal-flat tiegħu biex inħejju l-Ewkaristija li kienet esperjenza kommoventi ħafna għal Harold u martu, anki għax biha n-nies ta' madwaru saru jafuh aħjar.

Kif Alla jitkellem fil-qalb ta' persuna

Bejn erba' u ħames snin wara li ordnajt saċerdot kont f'Wales qed nagħmel l-aħħar sena tal-formazzjoni tagħna, li nsejħulha t-tieni novizzjat. F'dan iż-żmien aħna l-Ġiżwiti nerġgħu nagħmlu x-xahar tal-Eżerċizzi Spiritwali, esperjenza qawwija ħafna, u nistudjaw l-ispiritwalità Injazjana. Imma kellna wkoll ftit żmien ta' appostolat.

Billi l-Provinċjal xtaqni nidħol għall-appostolat tal-eżerċizzi spiritwali, il-Father Master bagħatni f'kunvent tas-sorijiet li x-xogħol tagħhom hu propju jorganizzaw dan l-appostolat. Kien it-tridu tal-Ġimgha Mqaddsa. Niftakar kienet il-Ġimgha l-Kbira meta kont qed inkellem lin-nies fuq il-passjoni ta' Ġesù. F'nofs il-prietka daħlet mara ma' bintha ta' tnax-il sena.

Wara l-prietka s-soru sejħitli fil-parlatorju. Kien hemm din il-mara li qaltli kienet ġiet biex toffri elemożina ħa ssir quddiesa għal binha li sena qabel - fil-Ġimgħa l-Kbira - kien neħħa ħajtu b'idejh.

"Kont naħseb li mar l-infern, imma llum inħossni fiduċjuża li Ġesù salvah."

"Għaliex?" staqsejtha.

"Għax meta dħalt fil-kappella smajtek tgħid: Ġesù, b'dirgħajh miftuħa, lest jilqa' lil kulħadd għandu. Anke jekk wieħed jagħmel suwiċidju, aħna naħsbu li mar l-infern, imma Ġesù jħenn u jaħfer dejjem. Wieħed ineħħi ħajtu aktarx għax ikollu dipressjoni; minn barra dan, fl-aħħar mument Alla żgur jurih imħabbtu u dak li jkun jista' jitlob maħfra ta' dnubietu."

Tassew bqajt mistagħġeb bil-providenza ta' Alla. Kif kelli ngħid dawk il-kelmiet propju meta daħlet dil-mara li qatt ma rajt f'ħajti u ngħidilha l-kliem li kellha bżonn tisma' dak il-ħin? Kien Ġesù żgur li kellimha permezz tiegħi, u għalhekk dawk il-kelmiet daħlu dritt f'qalbha u kkunslawha.

Esperjenzi moħbija

Waħda mill-isbaħ avventuri hi meta takkumpanja xi ħadd fl-eżerċizzi spiritwali u tara lil Alla jaħdem intimament f'persuna. L-istess ħaġa u meta taħfer id-dnubiet, forsi lil xi ħadd ilu s-snin imdejjaq għax warrab lil Alla li jħobbu. Imma dawn huma esperjenzi moħbija bejn is-saċerdot, il-persuna u Alla.

Fil-ħajja ta' saċerdot spiss ma tarax riżultati. Imma nħoss li anki daqsxejn ta' kuntatt li nkun għamilt ma' xi ħadd, seta' kien mezz biex Alla juri mħabbtu lejha. Ta' dan jien inħossni ferħan ħafna, avolja mhux dejjem nara r-riżultati li kont nixtieq.

Ġesù jfejjaq

M'ilux ħafna snin, hawn Malta, tifla żgħira ta' xi tliet snin kienet ilha ħafna ġranet marida, il-ħin kollu mqabbda m'għonq ommha. Oħtha l-kbira qaltli nitlob għaliha għax lanqas il-mediċini ma kellhom effett. Ġieni l-ħsieb li nberikha bis-Sagrament. Għalhekk ħadt lil Ġesù d-dar tagħha u staqsejt lil ommha tridx nitolbu fuqha. Trid tara dik iċ-ċkejkna tbus ħafna drabi lil Ġesù. Wara t-talb beriktha bih. Jumejn wara għaddejt minn ħdejn id-dar tagħhom u rajtha hemm tilgħab ma' ħbiebha. Ommha qaltli li ftit wara li tlabna fuqha bis-Sagrament kien għaddielha kollox.

Dan kompla jsaħħaħ fija l-fidi li Ġesù hu tassew ħaj u għadu jaħdem fina u jfejjaqna. Għalhekk inħoss rispett kbir lejn is-sagrifiċċju tal-Ewkaristija u jiddispjaċini ħafna meta nara tant Maltin qegħdin jitilfu l-interess fiha. Qamet fija xewqa kbira li ngħin lil dawk li jixtiequ jerġgħu jiskopru s-sbuħija tal-Ewkaristija.

Ħabib/a, jekk inti ma għadekx tersaq lejn il-Knisja biex tieħu sehem fl-Ewkaristija tal-Ħadd imma, f'qalbek tixtieq tifhimha aħjar... Jekk forsi tħoss rabja għall-mod kif tkun ċelebrata... Jekk tixtieq issib lil min jisimgħek mingħajr ma jiġġudikak u jgħinek tesprimi dak li tħoss...

Jiena dispost nagħtik il-ħin kollu li għandek bżonn. Jekk tixtieq, tista' tiġi wkoll ma' xi ħadd bl-istess diffikultà - anzi aħjar. Nieħu gost li nfittex miegħek u ngħinek issib dak li qed tfittex. Ċempilli fuq tel: 2279 5302.

Harry Formosa sj

 

 

facebook youtube twitter flickr