Id Żgħira Taqbadli Idi - Paul Zammit SJ

ID ŻGĦIRA TAQBADLI IDI

Paul Zammit SJ jaqsam x'ifisser għalih li jkun 'missier'. Paul ħadem għal bosta snin bħala Kappillan fl-iskola Sekondarja tal-Kulleġġ San Alwigi, fi rwol f'kuntatt kontinwu mat-tfal.


Kienet waħda mill-ħarġiet li nagħmlu mal-istudenti tagħna. Dakinhar ittardjajna iktar milli ħsibna. L-agħar kien li ma nafux minn fejn tfaċċa fuqna sħab oħxon li ma damx ma ferra' fuqna dulluvju ta' ilma li bilkemm konna ppreparati għalih. Kien ġa dalam u t-trejqa qalb ir-raba' fuq l-irdumijiet kienet ċappa dlam. F'id waħda kelli nżomm il-ġakketta biex nixxarrab mill-inqas. L-id l-oħra kienet libera. F'daqqa waħda nħoss id żgħira taqbadli idi. Kien wieħed mill-istudenti żgħar tagħna li aktarx kien qed jibża'. Kieku kien hemm missieru, kien jaqbadlu idu u kollox kien imur sewwa.

Li tkun missier hija realtà mill-isbaħ għal dawk li jeħduha bħala vokazzjoni. Hija esperjenza mill-iktar kefrin għal dawk li ma għandhomx missier jew li għandhom missier li ma jagħtix kashom.

Jiena, bħala saċerdot, inħoss li Alla sejjaħli biex inkun missier uliedu. F'dan niftakar kull darba li nisma' min isejjaħli: ‘Father'. F'ismu nagħtihom kemm-il darba l-kelma tiegħu. Waħda mill-iktar affarijiet importanti li jagħmel il-missier (flimkien mal-omm) hija li jkellem lill-uliedu.  Il-kelma tiegħu tgħallem, turi t-triq. Tiżgura lit-tfal li għandhom ħabib. U dan hu li nagħmel bħala saċerdot - inkellem lin-nies f'isem Alla. Dan nagħmlu permezz tal-prietki, irtir, tagħlim...

Esperjenza oħra hi ta' dawk il-mijjiet jew eluf li sabu l-paċi ta' qalbhom fis-sagrament tal-Qrar. Għalija dan hu mument mill-isbaħ, li fih nħoss lil Alla tassew fil-qrib qed jaħdem fil-qalb ta' wliedu. Ngħid din il-persuna x'ġagħalha tiġi tqerr? Mhux għax taf, li għamlet x'għamlet, Alla se jaħfrilha? Hija esperjenza ta' fiduċja min-naħa ta' min iqerr, u ta' Alla li fdali setgħa hekk kbira li ħadd iktar ma għandu. Is-saċerdot biss għandu din is-setgħa li lil persuna jgħidilha li quddiem Alla dnubietha, kbar kemm huma kbar, huma maħfura - jiġifieri li tħassru darba għal dejjem! Meta f'ċerti okkażjonijiet nagħmel sigħat jew xi ġurnata sħiħa nqarar, hekk ngħid lili nnifsi: kemm nies marru f'darhom fil-paċi permezz ta' dan is-sagrament.

Il-fiduċja li juri fina n-nies ma tiqafx biss fil-Qrar, iżda wkoll meta jiġu għal parir jew biex ngħinuhom isibu t-triq li Alla għażel għalihom. Kemm iħossuhom li jistgħu jiftħu qalbhom, xi daqqiet iktar minn ma' kwalunkwe bniedem ieħor. Xi daqqiet jgħiduli affarijiet li lanqas mal-għeżież tagħhom stess ma jgħiduhom!

Fl-aħħar nett, setgħa oħra li Alla tani hi dik li nikkonsagra l-ħobż u l-inbid u nibdilhom fil-Ġisem u d-Demm ta' Ġesù. Dan kollu mhux għax Alla ra xi ħaġa fija, imma għax hekk għoġob lilu. Ma nħossx ħlief rikonoxxenza għall-fiduċja li wera fija. U s-sabiħ hu li kull saċerdot jgħix is-saċerdozju tiegħu b'mod uniku. Kif qal Ġwann Pawlu II: "Kull saċerdot ġdid iġib miegħu barka speċjali." Għalhekk jekk għandi xewqa kbira hija din li iktar żgħażagħ minn dawk li Ġesù jsejjaħ jaċċettaw li jkunu għal ħuthom missirijiet.

Paul Zammit sj

 

 

facebook youtube twitter flickr