Gesu' ghadu cool! - Karl Vella SJ

ĠESÙ GĦADU COOL!

Karl Vella huwa Ġiżwita minn Ħal Balzan li speċjalizza fit-Teoloġija Pastorali. Fil-formazzjoni tiegħu bħala Ġiżwita, huwa għamel sentejn ta’ esperjenza ta’ ħidma prattika, li insejħulhom Regency. L-iskop huwa li ż-żagħżugħ Ġiżwita jagħmel esperjenza ta’ ħidma diretta, qabel ma jkompli bl-istudji tiegħu fi triqtu lejn is-saċerdozju.

Hawnhekk, Karl jitkellem dwar is-sentejn ta' ħidma fost l-istudenti universitarji f'Malta u dak li rċieva permezz ta’ din l-esperjenza.


Ħafna drabi konna nistaqsu lil xulxin fl-uffiċċju taċ-Chaplaincy... ‘Imma din il-ħaġa tajba ġrat lil xi student b'kumbinazzjoni jew forsi l-Provvidenza?' Matul dawn l-aħħar sentejn ħassejt din il-Provvidenza tal-Mulej ħajja,taħdem u tmiss l-qalb tal-istudenti u l-istaff tal-Università. Wara li rajt u għext dan kollu tibqa' fija gratitudni u llum jien iktar konvint li iktar ma' tkun ġeneruż ma' Alla iktar tista' tkun kuntent u liberu li tagħti aktar.

Il-ħidma tiegħi kienet tvarja ħafna fiċ-Chaplaincy tal-Università. Mill-priedti qosra tal-Vanġelu darbtejn fil-ġimgħa għal akkumpanjament ta' xi żgħażagħ, għal li nqatta' ħin maż-żgħażagħ u nesperimenta  b'xi xogħol manwali. Kemm is-suċċessi kif ukoll l-fallimenti li għaddejt minnhom għamlu l-ħafna uċuħ tal-esperjenza isbaħ u iktar matura. Ħidma li kienet u li għadha tagħtini konsolazzjoni kbira hi l-esperjenza li nitlob għal u maż-żgħażagħ. Nissaħħar b'kemm Ġesù għadu attraenti għaż-żgħażagħ u ninnota li dawk li lesti jinvestu f'din ir-relazzjoni jsiru jafu lilhom infushom, lill-oħrajn u lil Alla aħjar.

Wieħed mis-slogans tal-Ġiżwiti hu ‘l-għażla preferenzjali favur il-fqar'. Jien kuntent li dan stajt ngħixu ukoll fir-regency tiegħi permezz tal-esperjenzi ta' volontarjat li noffru permezz taċ-Chaplaincy u l-inYgo. Il-qawwa tal-kuntatt ftit iktar fit-tul ma' min hu ifqar jew inqas b'saħħtu minna żgur li bidlet lili u lil ħafna żgħażagħ madwari. Saħansitra darba student iddeskriva din l-epserjenza bħala l-isbaħ u l-iktar qawwija.

Il-ħajja komunitarja f'dar fejn il-Ġiżwiti huma ħafna ikbar minni kella l-isfidi tagħha matul dawn s-sentejn imma ċert li jiżbqu lil dawn it-tagħlimiet li ħadt mingħand il-Ġiżwiti sħabi. Il-fatt li stajt ukoll nikkontribwixxi għall-komunità għalkemm għandi inqas esperjenza jqawwili ħafna qalbi għall-ġejjieni. Dan nista' ngħidu ukoll għad-diversi opportunitajiet li kelli li naħdem ma' Ġiżwiti oħra u lajċi oħrajn.

Naħseb li l-akbar tagħlima li ħa nieħu miegħi Pariġi (fejn ħa nkompli l-formazzjoni teoloġika bħala Ġiżwita) hi li nkun grat ta' kemm Alla jieħu ħsiebi u kif permezz ta' hekk jistedinni nieħu ħsieb u ngħaddi ftit minn din l-esperjenza tal-Vanġelu lil ħafna oħrajn. U għal darb'oħra ntenni "Grazzi mmens" lil Dak (Mulej) u dawk li jieħdu ħsiebi sabiex nista' nieħu ħsieb aktar tal-oħrajn.

Karl Vella sj

 

 

 

facebook youtube twitter flickr